Aktar minn 77,000 student tal-Ingliż f'Malta

Kważi nofs l-istudenti tal-Ingliż f'Malta fl-2014 kienu Taljani, Germaniżi jew Russi
 

77,550 student barrani f'Malta biex jistudja l-Ingliż fl-2014
77,550 student barrani f'Malta biex jistudja l-Ingliż fl-2014

Taljani, Germaniżi u Russi - kienu dawn l-aktar nazzjonalitajiet komuni fost l-istudenti li żaru Malta biex jitgħallmu l-Ingliż fl-2014 - hekk kif dawn it-tliet nazjonalitajiet flimkien jammontaw għal 49.7% tal-istudenti totali. B'kollox kien 77,550 student f'Malta fl-2014, b'25.3% tagħhom ikunu bejn 18 sa 25 sena. Kienu biss 4,250 mit-total ta' studenti f'Malta li kellhom 50+ sena.

Dan skont statistika maħruġa mill-NSO, fejn jidher ukoll li fl-2014 kien hawn aktar nisa, speċifikament 58% tat-total ta' studenti, meta mqabbel ma' studenti rġiel. Il-maġġoranza tal-istudenti kienu Ewropej, b'86.5% - fejn kważi 54,000 kienu minn xi pajjiż tal-UE, filwaqt li ftit aktar minn 13,000 kienu minn pajjiż Ewropew barra mill-UE. Kien hemm ukoll żieda ta' 41.5% fl-istudenti mill-Afrika, meta mqabbel mal-2013.

L-aktar xahar impenjattiv kien dak ta' Lulju, fejn l-iskejjel tal-Ingliż raw aktar minn 17,000 wasla - 22.2% tat-total annwali. Min-naħa l-oħra Diċembri ra l-anqas wasliet, hekk kif kien hawn inqas minn 1,000 student.

L-istudju tal-Ingliż f'pajjiżna jammonta għal 4.4% tal-wasliet totali f'Malta fl-2014, liema studenti qattgħu total ta 245,587 ġimgħa f'Malta - b'medja ta' 3.2 ġimgħa kulwieħed. Il-maġġoranza tal-istudenti, jiġifieri 28.3% qagħdu ma' host families, filwaqt li 18.1% għażlu li joqgħodu f'lukanda waqt li jkunu f'Malta.

Jgħallmu lil dawn l-istudenti kien hemm  1,414-il għalliem u għalliema - li l-maġġoranza tagħhom kienu fuq bażi part-time. Barra minn hekk, xogħlijiet oħra f'din l-industrija kien ta' 885 - b'59.3% jkunu fuq bażi  full-time.

More in Kummer?jali