Il-produzzjoni industrijali naqset b'1.3% fi Frar meta mqabbel max-xahar ta' qabel. Meta imbagħad imqabbla mal-istess xahar tas-sena l-oħra, din telgħet bi 3.8%.
Dan skont statistika tal-NSO dwar il-produzzjoni industrijali f'Malta. Meta mqabbel max-xahar ta' qabel, jidher ukoll li kien hemm tnaqqis fil-produzzjoni ta' oġġetti tal-konsum - fejn kien hemm tnaqqis ta' 7.3% u l-enerġija, bi tnaqqis ta' 0.3%. Min-naħa l-oħra kien hemm żieda fil-produzzjoni ta' oġġetti għall-użu immedjat - b'żieda ta' 6.2% u oġġetti kapitali b'żiedda ta' 2.8%.
Meta imbagħad imqabbel mal-istess xahar fis-sena 2014, il-produzzjoni industrijali telgħet b'3.8%. Żidiet ġew irreġistrati fil-produzzjoni tal-oġġetti għall-użu immedjat - b'żieda ta 8.6%, oġġetti kapitali b'żieda ta' 5.6% u l-enerġija b'żieda ta' 5.2%. Min-naħa l-oħra l-produzzjoni tal-oġġetti tal-konsumatur niżlu b'1.1%.