95% tar-residenti Maltin kburin bl-MIA

Sondaġġ minn kumpanija indipendenti jagħti ħarsa lejn l-opinjoni dwar l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta

95% tar-residenti Maltin huma kburin bl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta - dan skont sondaġġ minn kumpanija ta' riċerka indipendenti dwar is-swieq. Għall-mistoqsija "Bħala resident ta' Malta, kemm inti kburi bl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta?" kien hemm 32% qalu li kienu kburin immens, filwaqt li 64% qalu li kienu kburin mhux ħażin.

Barra minn hekk, 92% ta' dawk li ħadu sehem f'dan is-sondaġġ qalu li l-ajruport huwa kontributur kbir għall-ekonomija tagħna. Fil-fatt, l-MIA jikkontribwixxi għal 9.2% tal-Prodott Domestiku Gross ta' Malta - u jagħti xogħol lil 15,300 persuna. Dan skont l-aħħar studju minn ACI Europe, li fih jingħad ukoll li l-ajruport Malti jiġġenera €660 miljun fis-sena.

Dwar il-konnettività tal-MIA, 81% qalu li minkejja li Malta gżira, l-ajruport iġiegħlhom iħossuhom konnessi mal-bqija tad-dinja. Fil-fatt jiġi kklassifikat bħala it-tielet l-aktar ajruport tal-klassi tiegħu li għandu konnessjonijiet - b'aktar minn 50 destinazzjoni fl-iskeda tax-xitwa.

Intant, is-CEO tal-MIA Alan Borg laqa' ir-riżultat ta' dan is-sondaġġ fejn qal "Dan ir-riżultat itina kuraġġ. Huwa unur li jkollna l-appoġġ tal-maġġoranza tar-residenti Maltin."

"L-istrateġija tagħna hija li nibqgħu ffukati fuq li nsaħħu r-reputazzjoni tagħna u nimmiraw għall-ogħla standards. Irridu nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess biex naraw l-MIA jsir l-aqwa ajruport fl-Ewropa," żied jgħid waqt li rringrazzja lill-impjegati, imsieħba u stakeholders, fejn qal li mingħajr l-għajnuna tagħhom dan ir-riżultat ma kienx ikun possibbli.

Is-sondaġġ sar bejn Jannar u Frar 2015 minn Informa Consultants. Minn dawk li ħadu sehem f'dan is-sondaġġ 84% żaru l-MIA f'din l-aħħar sena, u 96% kellhom nazzjonalità Maltija.

 

More in Kummer?jali