Il-Birra artiġjanali Għawdxija tirbaħ żewġ midalji tal-Bronż fl-Ingilterra

Iktar minn 630 birra minn 30 pajjiż daħlu għad-dsatax-il edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni

Minkejja li għadha fit-tieni sena tagħha, Lord Chambray, il-birrerija artiġjanali fix-Xewkija rċeviet żewġ midalji tal-bronż fl-International Beer Challenge 2015, li saret fl-Ingilterra. Il-midalji intrebħu għall-birra Blue Lagoon u l-oħra għal Fungus Rock, li hija birra stout li ġiet imnedija biss ħames xhur ilu.

 

Il-birra Blue Lagoon ikkompetiet fis-sezzjoni tal-Wheat Beers u kienet fost il-11-il birra li rebħu midalja tal-bronż din is-sena; b’erba’ jirbħu midalja tad-deheb u tmienja jieħdu waħda tal-fidda.

 

Fungus Rock daħlet fit-taqsima tas-Stouts & Porters, u kienet fost 21 birra li rċeviet midalja tal-bronż, fejn tlieta ħadu midalja tad-deheb u 11 jieħdu dik tal-fidda.

Iktar minn 630 birra minn 30 pajjiż daħlu għad-dsatax-il edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni li kienet qed tiġi ġġudikata minn esperti tal-birra Ingliżi, kif ukoll minn ġurija ta’ esperjenza fl-Ewropa.

Fost il-pajjiżi li ħadu sehem fil-kompetizzjoni kien hem mil-Kambodja, il-Brażil, l-Amerika t’Isfel u l-Ġappun.

Il-ġurija kollha kellhom għajnejhom mgħottija waqt li daqu l-birer, u minbarra t-togħma, ikkunsidraw ukoll id-dehra, l-aroma u t-togħma qabel ma ddiskutew dak li ħasbu mal-membri l-oħra, qabel iddeċidew liema midalja għandhom jagħtu.

 

Iċ-Ċermen tal-ġurija tal-IBC, Jeff Evans qal, “Qatt ma kien hemm żmien aqwa biex tkun tixrob il-birra. Din is-sena kienet waħda kbira għall-IBC. Mhux talli n-numru ta’ birer li daħlu fil-kompetizzjoni kiber, imma anke l-kwalità li kellu kull pajjiż. Kull min rebaħ xi midalja ħaqqu s-suċċess.”

 

Samuele D’Imperio, Managing Director ta’ Lord Chambray Ltd, kein sorpriż imma ferħan immens li birra stout minn Għawdex li ilha fis-suq biss minn Marzu li għadda, ġiet rikonoxxuta internazzjonalment għall-kwalità eċċezzjonali tagħha.

More in Kummer?jali