F’għeluq id-90 anniversarju, Multigas b’kompetizzjoni ambjentali mal-Università

Multigas tingħaqad mal-Università biex tiċċelebra d-90 anniversarju permezz ta’ kompetizzjoni ta’ teżijiet relatati mal-ambjent
Multigas tingħaqad mal-Università biex tiċċelebra d-90 anniversarju permezz ta’ kompetizzjoni ta’ teżijiet relatati mal-ambjent

07.03.2016

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-90 anniversarju fl-industrija tal-manifattura u servizzi tal-gass, il-kumpannija Multigas Limited qed tingħaqad mal-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u Żvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta biex tniedi kompetizzjoni għal teżijiet relatati mal-ambjent.   

Bit-tema ‘Benefitting / Protecting the Environment’, il-kompetizzjoni hi miftuħa għall-istudenti kollha li qed jattendu bħalissa, kif ukoll għall-eks-studenti tal-Istitut. Din tapplika għal teżijiet sottomessi bejn l-2011 u l-2016.

Il-kriterji tal-ġurija ser ikunu bbażati kemm fuq l-eċċellenza akkademika, kif ukoll fuq il-potenzjal li dik it-teżi tħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà. Il-parteċipanti għandhom jissottomettu t-teżi rispettiva tagħhom sas-Sibt 1 ta’ Ottubru 2016.

Wara li l-Università tevalwa u tagħżel it-teżijiet, Multigas Limited ser tkun qed tippremja lir-rebbieħ tal-ewwel post bi €1,500, filwaqt li t-tieni u t-tielet post ser jingħataw €1,000 u €500 rispettivament. Ir-rebbieħa jitħabbru waqt preżentazzjoni uffiċjali fil-bidu ta’ Diċembru 2016.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Multigas Limited l-Inġ Michael Mifsud qal: “Din il-kompetizzjoni hi opportunità tajba għal studenti tal-istudji ambjentali biex jippreżentaw il-qofol tax-xogħol universitarju tagħhom, u jippromwovu l-ħsibijiet u l-ideat tagħhom dwar kif nistgħu nipproteġu l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.”

  • Bħala kumpannija rreġistrata f’Malta, li tqiegħed l-għarfien u t-tagħlim fiċ-ċentru tan-negozju tagħha, nixtiequ nkomplu nonoraw il-wirt li ksibna matul iż-żmien f’dik li hi ħarsien tal-ambjent billi nipprovdu opportunitajiet lil talent ġdid biex juru xogħolhom u jiksbu rikonoxximent,” qal l-Inġ Mifsud.

Il-Prof. Maria Attard, Direttriċi tal-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u Żvilupp Sostenibbli, qalet: “Permezz tal-kollaborazzjoni ma’ kumpannija li tqiegħed il-ħarsien tal-ambjent fuq quddiem tal-aġenda tagħha, qed niċċelebraw eżempju eċċellenti ta’ kif is-setturi akkademiċi u dawk industrijali jistgħu jaħdmu flimkien għall-benefiċċju tal-istudenti u r-riċerka, u fl-aħħar mill-aħħar għall-ambjent.”

Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jżur is-sit www.um.edu.mt/iccsd jew jikkuntattja lil Romina Zammit mill-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u Żvilupp Sostenibbli fl-Universita’ ta’ Malta fuq in-numru tat-telefon: 2340 3403 jew permezz ta’ imejl [email protected]. It-termini u kundizzjonijiet jinsabu fuq is-sit onlajn u l-applikazzjoni.  

More in Kummer?jali