Il-GRTU ffirmat ftehim mal-kumpanija Revolut li permezz tiegħu l-istess kumpanija se tkun qed toffri tliet xhur ta’ servizz b’xejn lin-negozji membri.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-GRTU Paul Abela qal li dan l-inċentiv kapaċi jammonta għal valur ta’ €1 miljun ewro u li minnu se jibbenefikaw madwar 7,000 negozju.
Kompla jgħid li l-GRTU mhux se tkun qed toffri s-servizzi kollha bankarji iżda se tkun qed tipprovdi lil dawn in-negozji mod inovattiv u irħas għat-tranżazzjonijiet.
Revolut bdiet topera f’Malta wkoll ix-xahar li għadda u fi ftit ġimgħat dawk abbonati magħha telgħu minn 25,000 għal 40,000 ruħ.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur ta’ Revolut f’Malta, Philip Mifsud qal li l-kumpanija kellha numru ta’ taħdidiet mal-GRTU bil-għan li tifhem l-isfidi tas-settur fosthom it-tariffi marbuta mat-tranżazzjonijiet.
Permezz ta’ din il-pjattaforma, in-negozji se jkunu qed iħallsu rata fissa kull xahar minflok persentaġġ għal kull tranżazzjoni. Hu stmat li dan se jfisser li kull xahar, l-ispiża għan-negozji se tonqos b’7%.
Revolut tippermetti wkoll pagamenti instantanji barra mill-pajjiż u jfisser li 25 munita b’25 IBAN se jkunu miftuħa għan-negozji lokali mingħajr l-ebda ħlas marbut mal-kambju.
Mifsuf qal ukoll li l-pjattaforma mhux se tkun disponibbli għal ċertu setturi, inkluż dak tal- cryptocurrencies, il-bejgħ tal-armi u d-divertiment adult.