Il-kumpanija, Carmelo Stivala Group esprimiet l-interess tagħha għar-rijabilitazzjoni tal-Pixkerija fil-Belt Valletta permezz ta' offerta ta' €38.5 miljun ewro.
Is-sejħa għall-interess tal-proġett ġiet imħabbra f'Marzu ta' din is-sena, b'investiment minimu ta' €18-il miljun għal konċessjoni ta' 65 sena. Offerti oħra ġew sottomessi minn Bonnici Brothers Ltd.
Il-bini kollu jikkonsisti fil-Pixkerija, sptar antik, tlett mħażen u l-uffiċini li bħalissa qed jintużaw mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli. Il-binjiet kollha, apparti dak tal-aħħar għandhom bżonn rinovar eċċessiv.
Meta dan il-proġett ġie mħabbar, sar emfasi fuq l-importanza sabiex tiġi mħarsa ż-żona madwar il-bini, kemm fil-fażi tal-ippjanar, u anke l-fażi tar-rinovar innifsu.
Minn dan il-proġett, il-Gvern bassar li se jkun qed jaqla mas-€615,000 fis-sena, li tinkludi l-kera tal-art b'€357,565, apparti ż-żewġ miljun ewro f'taxxi li huwa maħsub li se jiġu ġġenerati.