Il-PN fuq il-problema tal-obeżità f’pajjiżna
More in Politika
Il-problema tal-obeżità hija sfida li rridu nindirizzaw b’mod multi-dimensjonali fuq livell nazzjonali. Din hija sfida li nistgħu negħlbu biss b’politika ħolistika li ġġib flimkien l-oqsma kollha ta’ governanza; il-politika edukattiva, soċjali u tas-saħħa. Dan tħabbar ilbieraħ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt diskors fit-tmiem tal-Konferenza Nazzjonali tal-iSport organizzata mill-Partit Nazzjonalista bit-tema L-Isport f’Malta, il-Pass li jmiss.
Busuttil iddeskriva din il-proposta bħala pass ieħor importanti mill-Oppożizzjoni li qed taħdem bis-sħiħ sabiex tkun proattiva u tieħu azzjonijiet biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem. Qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista hu impenjat bis-sħiħ li jagħti l-kontribut tiegħu biex jindirizza l-isfida tal-obeżità, u għalhekk, għada t-Tnejn l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq Private Member’s Bill fil-Parlament bl-isem ta’ Att Dwar Stil ta’ Ħajja b’Saħħitha, mimlija b’punti ta’ azzjoni biex l-obeżità tiġi miġġielda mill-għeruq tagħha.