L-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ikkonfermat it-Tlieta filgħaxija li ma ntużaw l-ebda fondi allokati għal proġetti oħra, inkluż dawk għal produzzjonijiet lokali, biex iseħħ il-Malta Film Week fl-2022.
L-uffiċjal, mill-NAO, kien qed jagħti preżentazzjoni tas-sejbiet tal-istess entità lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, li qed jistħarreġ ir-rapport tal-awditjar dwar il-Kummissjoni tal-Films konkluż is-sena l-oħra.
Ir-rapport tal-NAO jkopri l-perjodu bejn l-2018 u l-2022 u b’attenzjoni partikolari fuq il-Malta Film Week u l-Film Awards li saru fil-bidu tal-2022.
L-istħarriġ kellu jibda’ fl-2022 mill-NAO iżda l-uffiċċju sussegwentement irċieva żewġ talbiet separati – waħda mingħand Arnold Cassola u waħda mill-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-PAC – biex tinvestiga l-Kummissjoni tal-Films fuq diversi kawżi.
Fil-laqgħa tat-Tlieta, li damet sagħtejn, l-uffiċjal tal-NAO daħal f’dettall dwar il-marketing li qed isir mill-Kumissjoni tal-Film, taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Johann Grech.
Fuq dan ir-rigward, l-NAO ġibdet l-attenzjoni li seta’ kien hemm pjan aktar komprensiv, madankollu għamlitha ċara li l-proċess mill-bidu sal-art kien mexa mal-prassi tal-industrija. Żiedet tgħid li l-istess pjanqed iwassal ghal aktar investiment barrani f’Malta u huwa dak l-investiment li qed iħalli frott fl-ekonomija lokali.
L-Uffiċjal tal-NAO ikkwota kliem ir-rapport, fejn intqal illi bħal industriji oħra l-Kummissjoni tal-Films qed tbati minn nuqqas ta’ ħaddiema biżżejjed biex ikopru l-ħidma wiesa’ tagħha. Dan anke jekk qed isir sforz qawwi mill-istess Kummissjoni sabiex ikunu ingaġġati ħaddiema ġodda permezz ukoll ta’ sejħiet pubbliċi.
Waqt il-laqgħa ġie diskuss ukoll l-iskema tal-cash rebate. Il-membri parlamentari Nazzjonalista tennew il-pożizzjoni tal-partit li l-cash rebate ma ssegwhiex ir-regoli tal-għajnuna li tingħata mill-istat. Għal dan l-uffiċjal spjega kif ir-reviżjoni tal-NAO kkonfermat l-impatti ekonomiċi pożittivi prinċipali tal-cash rebate ta’ 40 %, u ma sabet l-ebda raġuni biex tikkontesta l-konklużjonijiet tas-sejbiet tal-kummissjoni stess.
Intant, ir-rapport tal-NAO jissuġġerixxi moniteraġġ fil-ħidma tal-Kummissjoni, inkluż aktar riżorsi umani. Fl-istess waqt faħħar l-impatt ekonomiku li produzzjonijiet barranin jġibu fil-pajjiż, b’Malta tieħu flus tlett darbiet aktar minn dak li tinvesti.
Fl-aħħar tmien snin, il-pajjiż kiber f’din l-industrija, b’films ta’ fama internazzjonali, bħal Gladiator 2, jirritornaw lejn Malta.
Il-PAC se jkompli jiddiskuti s-sejbiet tal-NAO nhar it-Tlieta 4 ta’ Frar meta l-NAO mistenni jikkonkludi l-preżentazzjoni tiegħu. F’sessjonijiet sussegwenti, il-PAC se jsejjaħ xhieda biex jiġu mistoqsijin dwar diversi aspetti li jsemmu mir-rapport.
Il-PAC huwa ppresedut mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Darren Carabott. Huwa l-uniku kumitat parlamentari mmexxi mill-Oppożizzjoni. Il-membri tagħha jinkludu d-Deputati tal-Oppożizzjoni Graham Bencini u Claudette Buttigieg, minbarra Carabott, u d-Deputati tal-Gvern Andy Ellul, Glenn Bedingfield, Amanda Spiteri Grech u Alex Muscat.