Nuqqas ta’ skart x’jinħaraq

Il-Ministru Leo Brincat
Il-Ministru Leo Brincat

F’diskors waqt il-ftuħ ta’ konferenza dwar l-Enerġija mill-Iskart, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li l-Gvern jemmen li għandu jkun hemm kejl serju ekonomiku u ambjentali meta l-Gvern ifassal it-triq li għandu jieħu dwar l-enerġija mill-iskart għall-ġejjieni.
Brincat qal li dan għandu jkun ibbażat fuq studji verament indipendenti min-nies li ma jistax ikollhom l-aġenda tagħhom jew interessi kummerċjali fin-nofs.
Żied li kien f’dan il-kuntest li l-Gvern ser juża fondi tal-Unjoni Ewropea biex isiru studji fil-fond wara li għal dawn l-aħħar snin ma jidhirx li kien hemm ebda studji simili minkejja l-impenn iddikjarat pubblikament li mmorru għall-inċinerazzjoni.
Il-Ministru tenna li fl-istess nifs il-Gvern qed jistudja wkoll il-viabbilità li l-iskart ta’ pajjiżna jiġi esportat lejn pajjiżi terzi, billi huwa magħruf li ħafna pajjiżi Ewropej bħalissa għandhom inċineraturi li qegħdin saħansitra jbaxxu r-rati kummerċjali tagħhom, tant li jinsabu neqsin minn biżżejjed skart x’jaħarqu biex iżommu l-inċineraturi tagħhom għaddejjin b’mod vijabbli ekonomikament.
Fi tmiem l-intervent tiegħu, Brincat faħħar lill-Kamra tal-Kummerċ li kienet fost l-aktar korpi kostitwiti li għamlet suġġerimenti prattiċi u konkreti lill-Gvern dwar il-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Iskart u anki talli wriet l-apprezzament tagħha li ħafna mis-suġġerimenti tagħha kienu ġew saħansitra addottati mill-Gvern Malti fl-istrateġija finali.

More in Politika