Kontroprotest mill-Ministeru tal-Intern

Fil-jiem li ġejjin il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali mistenni jippreżenta kontroprotest b’referenza għall-protest ġudizzjarju li ġie ppreżentat kmieni din il-ġimgħa mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Il-Ministru Manuel Mallia
Il-Ministru Manuel Mallia


Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali tenna r-rispett tiegħu lejn l-istituzzjoni tal-Ombudsman filwaqt li għamilha ċara li qatt ma ċaħħad lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta milli jressqu l-ilmenti tagħhom skont it-toroq stabbiliti fil-liġi.
Il-Ministeru kkjarifika li l-Uffiċċju tal-Ombudsman jista’ jinvestiga kull ilment minn kull membru tal-armata li hu inqas mill-pożizzjoni ta’ Uffiċjal ikkummissjonat, u l-Ministeru jibqa’, kif dejjem għamel s’issa, jikkopera bis-sħiħ f’tali investigazzjonijiet.
Intant fi stqarrija maħruġa aktar kmieni mill-kelliem għall-Intern tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib serju tiegħu għall-aħbar li l-Ombudsman ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Gvern għaliex iħoss li l-Gvern qiegħed jostakolah f’xogħlu.
Azzopardi qal li l-fatt li l-Ombudsman kellu jieħu pass fil-Qorti kontra l-Gvern huwa bla preċedent f’pajjiżna u hu konferma li l-Gvern ma jridx joqgħod għall-iskrutinju tal-Ombudsman, li huwa istituzzjoni parlamentari essenzjali f’demokrazija.
Il-kelliem sostna li xahar ilu l-Ministru Manuel Mallia u d-deputati tal-Gvern fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra vvutaw kontra t-talba tal-Oppożizzjoni, li kienet saret f’Marzu li għadda, biex l-Ombudsman jintalab jinvestiga x-xogħol tal-Bord tal-Inġustizzji li l-Ministru Manuel Mallia waqqaf fl-armata.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk appella lill-Gvern biex jieqaf minnufih jisfida l-liġi u jikkopera bis-sħiħ mal-Ombudsman.

 

More in Politika