Il-prekarjat fis-settur tat-turiżmu
More in Politika
Waqt żjara f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis tkellem mal-impjegati preżenti u qal li dan il-Gvern nieda l-Employment policy fuq livell nazzjonali fejn fl-istess ħin se jkun fi ġlieda kontinwa kontra l-prekarjat b’mod speċjali fis-settur turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu sostna li fil-qasam turistiku l-impjegati se jkun qed tingħatalhom konsistenza dwar kundizzjonijiet aħjar u garanzija ta’ xogħol matul is-sena kollha.
Meta rringrazzja lill-impjegati għall-prodott turistiku tajjeb li qed joffru, l-Onorevoli Edward Zammit Lewis irrefera għall-istatistika pożittiva maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn pajjiżna ra żieda ta’ 7.3% f’turisti fl-ewwel kwart ta’ din is-sena meta mqabbla mas-sena li għaddiet. Fl-istess perjodu d-durata ta’ dewmien ta’ turisti f’pajjiżna matul il-btala tagħhom żdied b’4.3% u li n-nefqa tagħhom kienet ta’ 7.8% aktar.
Dawn huma sinjali tajbin ferm għall-pajjiżna, żied il-Ministru għat-Turiżmu filwaqt li ssostna fuq l-impenn ta’ dan il-Gvern fejn se jkompli jaħdem biex negħlbu l-istaġjonalità.
Il-Ministru Dr. Edward Zammit Lewis qal li huwa jinsab sodisfatt li din is-sena n-numru ta’ studenti ġodda fil-qasam turistiku iżjed minn irdoppja fuq is-snin ta’ qabel biex issa jlaħħaq madwar tmien mitt student full-time, barra l-part-timers fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS). Edward Zammit Lewis temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jagħmel dan l-Istitut bħala ċentru wiesa’ ta’ eċċellenza li jattira aktar persuni biex jersqu fis-settur turistiku għal aktar kwalità ta’ tagħlim u taħriġ.
Jakkumpanjaw lil Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis kien hemm żewġ kandidati li se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Marlene Mizzi u Ivan Grixt