€800,000 f’kuntratti u direct orders lil eks impjegat tal-PN
More in Politika
Karl Borg, eks impjegat tal-Partit Nazzjonalista ngħata b’kemm jiswew €800,000 f’kuntratti ta’ xogħol minn gvernijiet differenti Nazzjonalisti, fil-maġġor parti tagħhom permezz ta’ direct orders. Borg ingħata dawn id-direct orders permezz tal-kumpanija tiegħu Karl Borg Events. L-istess Borg sal-aħħar elezzjoni ġenerali kien jieħu hsieb l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-massa tal-PN.
Minn sitt Ministeri partikolari, qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, Borg tħallas iktar minn €300,000 f’kuntratti ta’ xogħol. Minn dawn il-Ministeri biss Karl Borg ingħata minn tal-inqas 49 direct order.
Mill-Ministeru għall-Għawdex, taħt Giovanna Debono, Karl Borg tħallas viċin l-€10,000 li lkoll kienu direct orders. Mill-Ministeru għall-Ekonomija dak iż-żmien taħt Tonio Fenech, Karl Borg tħallas aktar minn €14,300. Il-Ministeru tas-Saħħa taħt Joe Cassar ħallas lil Karl Borg mat-€22,500 f’direct orders. Mill-Ministeru tat-Turiżmu taħt Mario De Marco ħa aktar minn €34,000 bil-maġġorparti jkunu direct orders, filwaqt li mill-Ministeru għad-Djalogu u l-Familja li fi tmiem l-aħħar leġislatura kien taħt Chris Said, Karl Borg tħallas aktar minn €9,500.
Minn Transport Malta biss bejn l-2010 u l-2013 Karl Borg tħallas aktar minn €211,000. €150,000 minnhom thallsu għal kiri ta’ toilets fejn s il-ħlasijiet saru kollha permezz ta’ direct orders. Dak iż-żmien Transport Malta kienet taqa’ taħt Austin Gatt.
Fil-ġimgħat li għaddew ILLUM żvela kif Karl Borg matul l-aħħar leġiżlatura ngħata wkoll €40,000 mingħand il-Grand Harbour Regenaration Corporation, €55,000 mill-Ministeru tal-Finanzi, €245,000 oħra f’direct orders mis-segretarjat privat tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u €134,000 bil-maġġorparti direct orders mill-Ministeru tal-Edukazzjoni taħt Dolores Cristina.
Dan ifisser li taħt it-tmexxija ta’ gvernijiet Nazzjonalisti dan l-eks impjegat tal-Partit Nazzjonalista daħħal mat-€800,000, fil-maġġorparti tagħhom permezz ta’ direct orders.