Il-Kabinett ta’ Muscat jiswa €20.1 miljun fis-sena

Bil-flus li qed joħroġ żejda l-Gvern jista’ jimpjega 444 għalliem jew 532 infermier jew 570 LSA - Simon Busuttil
Bil-flus li qed joħroġ żejda l-Gvern jista’ jimpjega 444 għalliem jew 532 infermier jew 570 LSA - Simon Busuttil

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ filgħodu quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami saħaq li l-Kabinett ta’ Muscat qed jiswa €20.1 miljun fis-sena, jew aħjar €8.5 miljun iktar mill-kabinett preċedenti taħt Gvern Nazzjonalista.

Fenech Adami qal li b’kollox, il-Gvern Laburista f’din il-leġislatura se jkun qed jiswa €40 miljun iktar minn dik preċedenti. 

Stqarr ukoll li l-Partit Laburista tela’ bl-għajta li se jkun gvern li jnaqqas il-ħela u jagħmel iżjed xogħol b’inqas flus iżda, żied jgħid Fenech Adami, Joseph Muscat kiser il-wegħda tiegħu biex juża flusu bilgħaqal u minflok qed jaġevola lil tal-qalba.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista saħaq li b’iktar minn €8 miljun żejda li qed joħroġ il-Gvern fis-sena, jista’ jimpjega 444 għalliem, jew 532 infermier jew 570 LSA.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton u Norman Vella.

Intant fi stqarrija tal-Partit Laburista ntqal li l-istess nies li qed jitkellmu fuq il-Kabinett, kabinett li qed iwettaq il-bidla li l-poplu tant ried fl-aħħar elezzjoni, ħadu ’l fuq minn €1miljun f’konsulenzi li l-maġġoranza minnhom kienu b’direct order. Huma wkoll l-istess nies li ħallew Enemalta falluta, li ħallew il-Wasteserv għal riħha, l-istess nies li llum għadhom fil-Partit Nazzjonalista, saħaq il-Partit Laburista.

More in Politika