L-għoti ta’ kuntratt ta’ €35 miljun investigat

Il-kuntratt hu ta’ €35 miljun lill-Alberta Photovoltaic Consortium
Il-kuntratt hu ta’ €35 miljun lill-Alberta Photovoltaic Consortium

Id-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet (IAID) tal-Gvern jinsab jinvestiga l-kuntratt ta’ €35 miljun mogħti lill-Alberta Photovoltaic Consortium qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2013. 

Dan id-dipartiment beda l-investigazzjoni dil-ġimgħa wara li l-gazzetta MaltaToday żvelat li l-Gvern irrifjuta li jipproċedi b’dan il-kuntratt minħabba tariffa feed-in li trid titħallas lil konsorzju privat. 

Din l-investigazzjoni għandha tiddetermina jekk il-kuntratt fil-kwistjoni kienx mogħti taħt governanza korretta, trasparenza u ġestjoni finanzjarja retta. Qed tara li dan il-kuntratt ġie mogħti kif stipulat mir-regolamenti nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea. 

Sorsi mill-Gvern qalu li dan il-kuntratt jobbliga lil dawk li jħallsu t-taxxa biex joħorġu €11-il miljun iktar lill-kumpanija privata fuq tariffi feed-in għall-enerġija mibjugħa lill-Enemalta minn panelli solari. 

Il-kuntratt jorbot lill-Gvern biex iħallas lill-Alberta 22.9ċ

It-tariffa feed-in li trid titħallas lil Alberta, li se tinstalla panelli fotovoltaiċi fuq il-bjut tal-bini tal-Gvern hija ħafna iktar għolja mill-ispiża tal-enerġija kull kilowatt fis-siegħa li jitħallsu fi djar residenzjali. 

Il-kuntratt ta’ 25 sena jkopri l-installazzjoni ta’ panelli fotovoltaiċi fuq bini tal-Gvern madwar Malta kollha. 

Sorsi qalu li minn 15-il konsorzju li urew l-interess tagħhom inizjalment kienu tlieta biss l-eliġibbli biex jitfgħu offerta finali.

Minn dawn it-tlieta eliġibbli kienet biss Alberta Photovoltaic Consortium li tefgħet offerta finali u b’hekk iddeterminat it-tariffa feed-in ta’ 22.9ċ.

Il-kuntratt jorbot lill-Gvern biex iħallas lill-Alberta 22.9ċ għal kull kWh ta’ enerġija prodotta minn panelli solari, meta klijenti normali jitħallsu 16ċ f’tariffa feed-in għal kull kWh. 

Dan jiġifieri 6ċ9 iktar mit-tariffa feed-in normali u hi ekwivalenti għal €11-il miljun iktar minn dak li kien mistenni bi struttura ta’ tariffi normali.  

F’Diċembru 2012, dak li dak iż-żmien kien ix-Shadow Minister tal-Ambjent Leo Brincat, qajjem mistoqsijiet dwar il-konsorzju ta’ €10 miljun f’panelli fotovoltaiċi mogħti lill-Alberta Photovoltaic Consortium, li staqsa għall-pubblikazzjoni tal-ftehim. 

Brincat qal li l-ftehim imħabbar f’Settembru 2012 kien għal fornitura ta’ 6.5MW tal-enerġija u tliet xhur wara niżel għal 4.5MW. 

Meta Pullicino wieġeb għall-mistoqsija parlamentari ta’ Leo Brincat qal li l-iktar rata vantaġġjuża kienet mgħoddija lill-Awtorità Maltija tar-Riżorsi sabiex tiġi approvata waqt li rrifjuta li jagħti iktar dettalji li l-appalt kien għadu taħt aġġudikazzjoni. 

Solarig se twaqqaf iktar minn 45 installazzjoni fotovoltaiċi fuq il-bjut (67,000 metru kwadru) fuq bini pubbliku f’Malta, wara li ffirmat il-konċessjoni ta’ qbil f’konsorzju ma’ kumpanija Maltija, għal disinn tekniku, kostruzzjoni u l-operat ta’ dawn il-faċilitajiet. 

Iżda waqt li dawn it-tariffi feed-in residenzjali għall-fornitura ta’ enerġija solari mibjugħa lin-nazzjon jistgħu jinbidlu, kif stipulat minn avviż legali, it-tariffa feed-in tal-Alberta kienet iffissata għal perjodu ta’ 25 sena.

 

X’ġara dakinhar fl-appalt?

Mit-tlieta li ġew shortlisted biex jagħmlu l-offerti tagħhom, tefgħet biss offerta finali kumpanija waħda - Alberta Photovoltaic Consortium li mbagħad spiċċat iddeterminat ir-rata hi ta’ tariffa feed-in (għolja).

Wieħed minn dawk li tefgħu l-offerti l-oħra, kiteb lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi biex jinfurmah li ma tefgħux offerta u għalfejn.

Waħda mir-raġunijiet kienet “stringent unclear and at times one sided conditions.”

Dan il-bidder, li kellu sieħeb internazzjonali li ddeskrivih bħala “the largest Private Producers of Energy in Europe” qal li jissottometti offerta jekk jingħataw risposta għal ċertu mistoqsijiet.

Minflok il-Prim Ministru Gonzi, kien wieġeb l-eks Ministru George Pullicino u qalilhom li ż-żmien ta’ kjarifiki kien laħaq għadda skont id-dipartiment tal-kuntratti.

More in Politika