L-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna ddikjara li Membri Parlamentari Kattoliċi li jappoġġjaw il-liġi tal-unjoni ċivili jkunu qed iwettqu ‘att immorali gravi’.
F’dikjarazzjoni li tixxiebah ħafna ma’ oħrajn li kienu saru mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi waqt il-kampanja tad-divorzju, l-isqof Scicluna jsostni li l-MPs għandhom id-dmir morali li jopponu l-unjoni ċivili u l-adozzjoni minn koppji tal-istess sess. Hu qal dan f’intervista li kellu mal-ġurnal Taljan ‘Avvenire’ meta kien mistoqsi jekk MP Kattoliku setax ikun favur il-leġislazzjoni li bħalissa qed tiġi diskussa fil-parlament.
Fl-intervista, l-isqof Scicluna sostna li l-pożizzjoni tal-Knisja fir-rigward tal-omosesswali hija waħda ċara, minkejja li xorta waħda tħossha li hi qrib il-komunità LGBT.
Hu tenna li kemm l-isqfijiet Maltin kif ukoll il-Papa Franġisku huma preokkupati b’din il-liġi li qed tiġi diskussa fil-parlament Malti. Dan għaliex skont huma, l-unjoni ċivili se tħalli impatt negattiv ħafna fuq is-soċjetà.
“Membru Parlamentari ta’ fidi Kattolika għandu d-dmir morali li jesprimi b’mod ċar u pubbliku, in-nuqqas ta’ qbil tiegħu ma’ proposta bħal din. Kattoliku li jivvota favur din il-liġi li tant tmur kontra l-ġid komuni tas-soċjetà, ikun qed iwettaq att immorali gravi.”
L-Isqof Awżiljarju argumenta li din il-liġi hija biss frott il-ħtieġa li l-partiti politiċi jappellaw għall-elettorat.
“Fil-kampanja elettorali, il-partiti politiċi kienu mehdijin f’ġirja sfrenata biex jirbħu l-akbar ammont ta’ voti possibbli. Konsegwentament, kull partit politiku ċeda għat-talbiet tal-gay lobby, u wegħdu li jdaħħlu l-unjoni ċivili. Wara l-elezzjoni li ntrebħet mil-Laburisti u minn Joseph Muscat, il-gvern sempliċiment iċċaqlaq biex jonora dak li wiegħed qabel l-elezzjoni,” qal Scicluna.