Lejn età ta’ edukazzjoni obbligatorja sa 18-il sena
minn Staff Reporter
L-istqarrija kmieni din il-ġimgħa tal-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol Evarist Bartolo dwar il-ħtieġa li pajjiżna għandu jibda jiddiskuti jekk l-età għall-edukazzjoni obbligatorja għandhiex titla’ għal 18-il sena ġabet magħha reazzjonijiet varji.
Il-kumment ta’ Bartolo waqt il-konferenza dwar il-faqar fix-xogħol ħareġ proprju l-għada li hu ħabbar l-istrateġija biex jonqsu l-istudenti li jitilqu mill-iskola kmieni.
Preżentament il-liġi f’Malta tesiġi li studenti għandhom jibqgħu jattendu l-iskola b’mod obbligatorju sal-età ta’ 16-il sena iżda hu wkoll fatt magħruf li l-istudenti Maltin huma fost l-inqas li jqattgħu żmien fis-sistema edukattiva.
Skont Bartolo, is-sitwazzjoni ssir agħar meta wieħed jara l-persentaġġ għoli ta’ assenteiżmu fost l-istudenti Maltin. Żvela kif f’ċerti skejjel numru ta’ studenti ma jattendux għal kważi terz tas-sena skolastika għal xi raġuni jew oħra.
Intant, ILLUM staqsa lill-Ministru Bartolo biex jelabora iżjed dwar il-ħsieb tiegħu li jgħolli l-età għall-18-il sena. Bartolo qal li l-għan ewlieni hu li jkollna ż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18 fl-edukazzjoni u mhux jaħdmu. “Aħna naħsbu li post tifel jew tifla ta’ 16-il sena mhux fuq post tax-xogħol iżda f’ambjent fejn qed jitħarreġ u jtejjeb il-ħiliet tiegħu.” Iżda Bartolo jisħaq li dan ifisser li se jkomplu jsaħħu t-taħriġ vokazzjonali biex ikunu jistgħu joffru liż-żgħażagħ toroq differenti.
Tlabna wkoll il-kummenti ta’ Dr Joe Cassar, kelliem tal-oppożizzjoni dwar l-edukazzjoni. Cassar qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li kwalunkwe diskussjoni dwar żieda fl-età obbligatorja fis-sistema edukattiva għandha tkun ibbażata fuq studju u analiżi dettaljata, kemm lokali kif ukoll ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħrajn, u li tinvolvi wkoll konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha kkonċernati. Sal-lum, qal Cassar, m’hemm l-ebda indikazzjoni li sar tali studju u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jemmen li hu prematur li ssir bidla kbira bħal din mingħajr studju u ppjanar xieraq.
Cassar qal ukoll li fuq livell ta’ prinċipju, hu jemmen li wieħed irid joqgħod attent meta jikkunsidra l-kunċett ta’ żieda fl-età obbligatorja fis-sistema edukattiva speċifikament bħala miżura biex nikkumbattu l-assenteiżmu, il-faqar u dawk li jitilqu mill-iskola kmieni. “Meta wieħed jikkunsidra li ż-żgħażagħ illum jingħataw edukazzjoni b’xejn u stipendju biex ikomplu jistudjaw, jista’ jagħti l-każ li d-deċiżjoni li togħla l-età obbligatorja tippostponi l-problemi soċjali li jridu jiġu indirizzati u mhux issolvihom” qal Cassar.
Hu temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista hu impenjat li jipparteċipa f’din id-diskussjoni u huwa miftuħ li jaqbel ma’ tali żieda jekk jiġi stabbilit mill-istudji dettaljati li din hi l-aħjar triq ’il quddiem.
Wara din il-proposta ma setax jonqos li jkun hemm reazzjoni miż-żgħażagħ infushom. Il-ġurnal ILLUM talab il-kummenti tal-President tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) Gayle Lynn Callus. Fil-kummenti tiegħu Callus qal li l-KSU ma ħa l-ebda deċiżjoni definittiva rigward li l-età għall-edukazzjoni obbligatorja titla’ għal 18-il sena. Filwaqt li l-KSU jemmen li inizjattiva bħal din għandha potenzjal biex tnaqqas l-ammont ta’ studenti li jitilqu mill-edukazzjoni kmieni, kif ukoll tgħin biex tnaqqas ir-rata għolja t’illiteriżmu f’Malta, din għandha tidħol fis-seħħ biss wara li jsir studju fil-fond rigward ir-riżorsi li jeżistu u s-sitwazzjoni kurrenti tat-tagħlim li jingħata fil-qasam tal-edukazzjoni llum il-ġurnata.
Barra minn hekk, kompla Callus, il-KSU jaħseb li għandu jkun hemm diskussjoni bejn ir-rappreżentanti kollha fil-qasam tal-Edukazzjoni fosthom primarjament l-istudenti. Dan kollu għandu jsir biex l-istudent ma jkunx qed jibqa’ fil-edukazzjoni għas-sempliċi raġuni li jagħmel sentejn żejda iżda biex ikun żgurat li kulħadd jingħata l-opportunità biex jikseb il-ħiliet bażiċi.
Minkejja dan, il-KSU irid jiddiskuti fid-dettall din il-proposta mal-membri tal-Kummissjoni Edukazzjoni fi ħdan l-istess kunsill waqt il-laqgħa li jmiss. Din il-Kummissjoni hi magħmula mir-rappreżentanti tal-istudenti fi ħdan kull fakultà tal-Università ta’ Malta.
Il-Kunsill jemmen li jekk jiġi propost xi tibdil fil-qasam Edukattiv għandu dejjem jinżamm l-istudent fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed. Għalhekk l-istudenti, flimkien mal-entitajiet konċernati, għandhom ikollhom post mal-mejda tad-diskussjoni. Barra minn dan għandu jsir studju estensiv rigward il-qagħda tal-Edukazzjoni bħalissa kif ukoll kif din tista’ tiġi nbidla għal ġid ta’ kull student skont abbiltajiet differenti tiegħu.
Jekk tidħol fis-seħħ din il-bidla għandu jkun żgurat li l-istudenti jiġu mogħtija l-opportunità biex jiksbu iktar ħiliet li jgħinuhom fil-futur fil-qasam tax-xogħol filwaqt li tħalli l-frott tagħha fl-ekonomija Maltija.
M’għandniex naslu f’punt li nagħmlu d-deċiżjonijiet tagħna rigward il-qasam tal-Edukazzjoni billi naraw jekk jintlaqgħux tajjeb però għandna nkunu ċerti li jħallu riżultati għall-iżvilupp t’edukazzjoni ħolistika ta’ kull student li jgħaddi minn dan il-proċess edukattiv.
Ir-reazzjoni tkun aktar pożittiva jekk il-materjal li jiġi mgħallem ikun wieħed li jinteressa direttament l-istudenti u li l-istudenti jaraw li ser ikunu jistgħu jagħmlu użu minnu fil-futur qarib. L-istudenti għandhom jiġu mgħotija l-għażla bejn edukazzjoni akkademika u tagħlim vokazzjonali. Għalhekk huwa importanti ħafna li qabel tidħol fis-seħħ din il-proposta jsir studju estensiv tas-sistema edukattiva preżenti u kif ser tkun affetwata bit-tibdiliet proposti.
Il-KSU jara l-fatt li l-istudenti Maltin għandhom l-istipendji mill-post-sekondarja kif ukoll Univeristà b’xejn bħala investiment għall-ħaddiema u l-professjonisti t’għada, filwaqt li huma miżuri li żgur qed jgħinu biex jinċentivaw lill-istudenti jibqgħu fl-edukazzjoni u jużaw dawn il-flus biex ikomplu jkabbru l-għarfien fl-istudji tagħhom.