Waqt attività li saret għat-tqassim ta’ fondi mill-Urban Improvement Fund (UIF) lil sitt Kunsilli Lokali, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni, Dr Michael Falzon, saħaq illi dan il-fond qed iservi, mhux biss sabiex jissebbaħ l-ambjent ta’ madwarna, iżda qed tittejjeb ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-ibliet u l-irħula tagħna.
Dr Falzon semma kif s’issa ġew imqassma kważi mad-€9 miljun mill-MEPA lill-Kunsilli Lokali taħt l-iskema tal-UIF. Ħafna mill-fondi ġew imqassma fi proġetti ta’ titjib u tisbiħ ta’ ħafna playgrounds, tibdil fis-sistema tad-dwal fit-toroq għal dik energy saving, pavimentar ta’ sqaqien fl-irħula Maltin, kif ukoll xogħlijiet ta’ tisbiħ f’ħafna ġonna. Dawn kollha huma proġetti li jrendu u jgħollu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Dr Falzon saħaq li hija inkoraġġanti wkoll meta tara li ċerti kunsilli lokali qed jagħmlu diversi proġetti fil-lokalità tagħhom permezz tal-fondi tal-UIF. Eżempju ta’ dan huma l-introduzzjoni tal-outdoor fitness equipment fil-ġonna pubbliċi.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal, li l-Gvern flimkien mal-MEPA se jkomplu jinvestu sabiex ikomplu jsaħħu r-relazzjoni mal-kunsilli lokali billi jagħtuhom spazju akbar fil-kontribut lejn il-ħarsien tal-ambjent tagħna. Huwa rringrazzja lill-kumitat ta’ dan il-fond li qiegħed jaħdem biex jiżgura li l-kunsilli lokali jirċievu l-appoġġ finanzjarju meħtieġ sabiex ikomplu jimplimentaw aktar proġetti favur ir-residenti, bl-enfasi tkun fuq proġetti ta’ ċertu serjetà u titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna.