Muscat jiltaqa’ mal-mexxejja Soċjalisti

Il-laqgħa mal-mexxejja Soċjalisti f’Pariġi
Il-laqgħa mal-mexxejja Soċjalisti f’Pariġi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ ħa sehem f’laqgħa bejn Prim Ministri u mexxejja Soċjalisti minn għaxar pajjiżi Ewropej bi preparazzjoni għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se ssir il-ġimgħa d-dieħla.  
Il-mexxejja reġgħu sostnew l-appoġġ tagħhom għal Jean Claude Juncker biex ikun maħtur President tal-Kummissjoni Ewropea, wara li l-Partit Popolari Ewropew rebaħ l-elezzjonijiet ta’ Mejju. Jekk ikun approvat, Juncker li serva bħala eks-Prim Ministru tal-Lussemburgu, jieħu post il-Portugiż Manuel Barroso li kien ilu fil-kariga mill-2004. Minn naħa l-oħra, Schulz se jkun qed jerġa’ jiġi propost bħala President tal-Parlament Ewropew, kariga li diġà ħaddan lejn it-tmiem tal-aħħar leġislatura.
Il-laqgħa saret f’Pariġi fuq stedina tal-President Franċiż Francois Hollande.
Matul din il-laqgħa kien diskuss fid-dettall il-programm tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss, fejn fost il-prijoritajiet se jkun hemm il-ħolqien tax-xogħol, l-enerġija u politika komuni dwar l-immigrazzjoni, li ġew deskritti bħala tliet oqsma kruċjali għal Malta.
Intqal ukoll li filwaqt li wieħed ma jarax lok għal bidla fit-trattati, hemm lok ta’ flessibbiltà fil-mod ta’ kif ikunu meqjusa r-regoli Ewropej dwar il-finanzi.
Il-Prim Ministru Malti insista li filwaqt li hemm bżonn li tinżamm id-dixxiplina finanzjarja u li Malta hija fil-linja tar-regoli, hemm lok ta’ aktar flessibbiltà biex ikun hemm aktar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa.

Minbarra n-nomini ta’ Juncker u Schulz għall-pożizzjonijiet ewlenin, il-mexxejja Soċjalisti Demokratiċi se jkunu qed jipproponu ismijiet għall-pożizzjonijiet oħra fosthom għal kariga tal-President tal-Kunsill u dik ta’ rappreżentant għoli għall-Affarijiet Barranin.

 

More in Politika