Il-President b’laqgħat bilaterali fil-Marokk

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kellha numru ta’ laqgħat bilaterali hekk kif fil-preżent tinsab fuq żjara statali fil-Marokk.
Fost l-oħrajn hi ltaqgħet mal-President tal-Montenegro Filip Vujanović fejn ġie diskuss it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali fl-oqsma tat-turiżmu u n-negozju.

Il-President Coleiro Preca ltaqgħet ukoll ma’ diversi membri tal-kabinett Marokkin, fosthom mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Salaheddine Mezouar fejn iddiskutew ir-relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ pajjiżi u l-ħeġġa li hemm biex dawn ikomplu jissaħħu.


Mal-Ministru tat-Turiżmu tal-Marokk Lahcen Haddad ġiet diskussa l-ħidma bilaterali biex jikber il-potenzjal għat-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi filwaqt li mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Iżlamika għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura ġie indirizzat il-multikulturaliżmu u l-effett tiegħu fuq is-soċjetajiet.
Aktar tard il-President Marie-Louise Coleiro Preca kienet waħda mill-kelliema ewlenin fil-ftuħ ta’ konferenza organizzata mill-Crans Montana Forum f’diskussjoni dwar il-paċi u l-iżvilupp fil-Mediterran.

More in Politika