Il-fatt li f’Malta jingħata servizz ta’ ħarsien tat-tfal bla ħlas ipoġġi lil pajjiżna fost l-iktar pajjiżi fejn iċ-childcare huwa aċċessibbli fl-Unjoni Ewropea, hekk kif il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport ‘Key Data on Early Childhood Education and Care in Europe.’
Dan ir-rapport isemmi l-importanza li anke minn età żgħira t-tfal ikollhom taħriġ pjanat u adekwat għalihom u kif il-kura tat-tfal tista’ ttejjeb il-ħiliet li t-tfal ikollhom sa minn età żgħira. Ir-rapport isemmi kif permezz ta’ childcare b’xejn, Malta qiegħda fost l-iktar pajjiżi fuq quddiem f’dan il-qasam, fejn pajjiżi oħrajn bħall-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Lussemburgu għandhom fost l-ogħla rati ta’ miżati għaċ-childcare.
Ir-rapport juri wkoll li Malta qiegħda f’vantaġġ ma’ pajjiżi Ewropej oħra għax hija fost l-uniċi li toffri childcare b’xejn lil kulħadd u li l-maġġoranza tal-pajjiżi fl-UE jaħdmu b’sistema ta’ sussidji, u jingħata biss b’xejn lil persentaġġ żgħir tal-pajjiż.
Ir-rapport isemmi wkoll kif il-Gvern Malti qed jieħu passi biex iċ-ċertifikazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu fiċ-ċentri tal-kindergarten jogħla biex is-servizz ikun ta’ kwalità iktar professjonali.