Iċ-ċermen tal-ONE TV Jason Micallef akkuża l-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard li qed “jipprostitwixxi ruħu biex jisraq” produzzjonijiet mill-mezzi tax-xandir Laburisti.
Micallef qal dan ilbieraħ meta kiteb status fuq Facebook jakkuża lil Anton Attard b’ton urtat.
Jidher li d-djar tal-produzzjonijiet li tellgħu l-programmi tagħhom fuq ONE TV issa applikaw biex imexxu l-programmi tagħhom għal fuq TVM. Dawn id-djar tal-produzzjoni segwew il-proċeduri normali wara li l-PBS ippubblikat is-sejħa għas-sottomissjonijiet tal-programmi.
“Il-kompetizzjoni hija tajba. Iżda hija inaċċettabbli li t-televiżjoni tal-istat, jew aħjar, Anton Attard, qed jisraq it-talent u l-produzzjonijiet li hemm bħalissa fuq ONE TV” qal Micallef.
L-eks segretarju ġenerali u kandidat tal-Partit Laburista jfakkar ukoll lis-segwaċi tiegħu kif Anton Attard hu l-istess wieħed li għamel żmien imexxi l-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista NET TV, u li kien ukoll responsabbli mil-loġistika tal-attivitajiet tal-PN sal-aħħar elezzjoni.
Dan wassal biex numru ta’ partitarji Laburisti kkummentaw li l-gvern tal-ġurnata għandu “jqaċċat” mill-kariga li Attard għandu fil-PBS.
B’risposta għall-kummenti ta’ Jason Micallef, Anton Attard ħareġ stqarrija fejn hu qal li numru ta’ programmi li bħalissa jixxandru fuq ONE TV tefgħu l-applikazzjoni meta ġiet ippubblikata s-sejħa.
Hu qal li l-għażla tal-programmi ssir minn Bord Editorjali mhux mill-Kap Eżekuttiv. Hu qal li l-iskeda ta’ programmi tiġi approvata mill-Bord tad-Diretturi.
“Jien m’avviċinajt lill-ebda programm li bħalissa jiġi mxandar minn ONE Tv biex jissottometti applikazzjoni mal-PBS.”
Attard għalaq l-istqarrija tiegħu billi qal “Ma nistax nifhem kif nista’ ninżamm responsabbli jekk produtturi tat-TV applikaw u jridu l-programmi tagħhom jiġu mxandra fuq PBS.”