Kulħadd jaf bir-relazzjoni bejn RCC u Caruana Galizia

Richard Cachia Caruana
Richard Cachia Caruana

“Meta sar Prim Ministru Lawrence Gonzi l-attakki kontrih u kontra min ma kienx jaqbel miegħu splodew, kulħadd jaf bir-relazzjoni bejn Cachia Caruana u Daphne Caruana Galizia,” dan qalu l-eks kummissarju Ewropew John Dalli meta kien qed jixhed f’kawża l-qorti. Waqt li kien qed jixhed Richard Cachia Caruana beda jqarras wiċċu u kien hemm ħin meta mexa lejn Edgar Galea Curmi li kien qiegħed fl-awla biex jiddiskuti miegħu xi punti.

Dalli xehed fil-qorti u qal li l-attakki personali fuqu mill-blogger Daphne Caruana Galizia twaqqfu ġimgħa wara li hu kien wissa lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-2008 li jekk dawn ma jiqfux, il-PN ma kienx fadallu wisq ħajja fil-Gvern.

Dalli kien imsejjaħ bħala xhud f’każ ta’ malafama miftuħ minn Richard Cachia Caruana, l-eks rappreżentant permanenti Malti fl-UE kontra Saviour Balzan, l-Editur Maniġerjali ta’ MaltaToday, li dan tal-aħħar kien akkużat li qal li Cachia Caruana kien il-moħħ wara kampanja maħmuġa fil-mezzi tax-xandir tal-PN.

John Dalli
John Dalli

“Kien il-moħħ” – Dalli

John Dalli qal li jemmen li kien infatti Cachia Caruana li kien il-moħħ wara dak li l-opinjonista tal-Malta Independent iddeskriviet bħala ‘netwerk ta’ spiji’. Hu saħaq li meta wissa lil Gonzi, fl-2008, Caruana Galizia ċemplitlu l-għada u qaltlu li ma kienx Cachia Caruana li kien qed jgħidilha biex tikteb fuqu. Iżda, oħroġ il-għaġeb, wara t-twissija l-attakki waqfu minnufih. 

Dalli stqarr quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale kif hu ma xtaqx isir Kummissarju tal-UE u pprefera jibqa’ Ministru tas-Saħħa iżda spiċċa aċċetta wara li Lawrence Gonzi qallu li jekk ma jaċċettax kien se jagħti l-kariga lil Richard Cachia Caruana. Hawnhekk qal ukoll kif Cachia Caruana darba kien qallu li kien hu li ssuġġerixxa lil Gonzi biex jagħmlu Kummissarju tal-UE. 

Kompla jgħid li hu kellu s-suspetti tiegħu dwar min kienu u fosthom semma lill-ġurnalisti tat-Times Ivan Camilleri u Steve Mallia, minbarra Caruana Galizia u Lou Bondi għalkemm ammetta li l-moħħ wara kollox kien Cachia Caruana. 

Dalli semma kif darba Mallia kien qallu li Cachia Caruana tah xi informazzjoni fuqu. Għamel referenza għall-2008 fejn hu ġie attakkat b’mod feroċi għax ħuh kien ġie indagat fuq il-każ tas-sapun u waqt konferenza politika fil-Mellieħa ma’ Lawrence Gonzi, kien għamilhielu ċara li jekk jerġgħu jagħmlulu bħalma ġara fl-2004, il-Gvern ma kienx se jifdallu wisq ħajja fil-poter. Imbagħad semma t-telefonata li għamlitlu Caruana Galizia biex tgħarrfu li Cachia Caruana ma kienx wara l-intervent tagħha, b’hekk wieħed seta’ jobsor kif il-kliem wasal għal widnejha.  

L-eks Kummissarju Ewropew qal li ma kinitx l-ewwel darba li kkonfronta lil Gonzi dwar l-attakki li kienu qed isiru fuqu u fuq qrabatu. Hu kien jisħaq miegħu li dawn l-attakki se jispiċċaw ikissru lill-PN, kif infatti ġara. 

Iddeskriva lil Caruana Galizia bħala mara li ġġib l-informazzjoni minn grupp ta’ spiji u jirnexxielha tinvestiga waqt li hi qatt ma tiġi investigata. Hu saħħaħ kliemu billi ta eżempju bi storja li ttellgħet riċentament fuq il-preċett tan-neputija tiegħu. Dalli ddeskriva dan bħala “psychological warfare” u bħala “inaċċettabbli” f’pajjiż demokratiku. 

Fis-smiegħ Dalli għamel ukoll referenza għall-ħatra tal-Kap tal-PN fejn qal li kien hemm min ingħaqad kontrih u kien hemm anke attakki fuq bloggs ta’ Caruana Galizia u Ivan Camilleri. 

Dalli żvela wkoll li hu kien tefa’ r-riżenja tiegħu minħabba li Gonzi qallu biex jagħmel dan peress li ma riedx li jkollu ministri għaddejjin minn investigazzjoni. 

L-eks Ministru Nazzjonalista qal li meta Gonzi kien inħatar Kap tal-PN, l-attakki fuqu saru regolari u kif sitt xhur wara li Gonzi laħaq Prim Ministru keċċieh mill-Kabinett u ried jitfgħu l-ħabs. 

L-avukat ta’ Balzan, Toni Abela staqsa lil Dalli x’tip ta’ attakki rċieva meta kien fil-kabinett. Hu qal li rċieva attakki miż-żewġ partiti politiċi, iżda fi żmien Fenech Adami, dawn kienu taħt kontroll, meta Gonzi laħaq kap, l-affarijiet iggravaw. 

Dalli qal li hu ma ħassux urtat meta ma laħaqx kap tal-PN iżda sostna li xi ħaġa li ma kinitx aċċettabbli kienet l-akkużi ta’ frodi li saru kontrih. 

More in Politika