“5,000 impjieg fl-ewwel sena” – Evarist Bartolo

Waqt li kien qed jindirizza seminar dwar iż-żgħażagħ u l-impjiegi, il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li żgħażagħ Maltin m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa biex jilħqu ċertu livell u dan kaġun tas-sistema edukattiva preċedenti li ffukat aktar fuq il-kwalifiċi milli ħiliet. Il-Ministru saħaq li hija allarmanti li wara 12 il-sena ta’ studju, studenti qed jispiċċaw l-iskola mingħajr il-kompetenzi u ħiliet meħtieġa.
Qal ukoll ħafna żgħażagħ mhux qed ikomplu l-istudji post-sekondarji jew terzjarji.
Evarist Bartolo qal li matul l-ewwel sena fil-gvern inħolqu ħames t’elef impjieg ġdid u li l-ġlieda kontra l-qgħad dejjem kienet prijorità għall-gvern u l-oppożizzjoni. Żied li n-nuqqas ta’ ħiliet hija kriżi li trid tiġi indirizzata minnufih minħabba l-fatt li dan qed ikun il-kaġun prinċipali li jżomm lil pajjiżna lura milli jkompli jkabbar l-iżvilupp ekonomiku tiegħu. Spjega wkoll li pajjiżna, apparti li qed jiffaċċja problema fejn m’hawnx nies imħarrġa biex jimlew ċertu postijiet ta’ xogħol, hemm ukoll in-nuqqas ta’ etika biex jintlaħqu l-miri meħtieġa mill-industrija.
F’botta u risposta bejn il-Ministru Bartolo u d-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri, kelliem fuq l-edukazzjoni, Spiteri argumenta li kuntrarjament ta’ dak li kien qed jgħid il-Ministru, mhux qed jinħolqu biżżejjed opportunitajiet ta’ xogħol biex ikompli jittaffa l-qgħad. Stephen Spiteri insista li għalkemm f’Malta m’għandniex xi rata allarmanti ta’ qgħad meta kkumparat mal-kumplament tal-Ewropa, is-sitwazzjoni preżenti xorta tirrikjedi li l-gvern joħloq aktar xogħol minħabba l-fatt li ċifri qed juru li l-qgħad qed jiżdied xahar wara xahar. Hu insista wkoll li gradwati ġodda mhux qed isibu mpjiegi f’linji li jkunu studjaw għalihom. Semma wkoll li l-opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam tal-gaming qed jittieħdu kollha mill-barranin tant li 66% tal-ħaddiema fis-settur mhumiex ħaddiema Maltin.
Filwaqt li hu konxju mill-ammont ta’ barranin jaħdmu f’Malta, partikolarment fil-qasam tal-gaming, il-Ministru Bartolo qal li preżentement, in-numru ta’ żgħażagħ f’Malta li jinsabu bla xogħol hu ta’ 13%, numru li hu sinjifikament baxx meta kkumparat mal-bqija tal-Ewropa. Il-Ministru żied jgħid li rridu nibqgħu naħdmu biex dan in-numru jonqos u mhux jiżdied u għalhekk hemm bżonn ta’ sinerġija aħjar bejn l-Edukazzjoni u x-Xogħol, xi ħaġa li qabel magħha wkoll id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri.

More in Politika