Il-koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa sejħet għal laqgħa mal-kummissjoni elettorali l-ġimgħa d-dieħla u ser tkun qed titlob li jiġu rrispettati d-dati sabiex jinżamm ir-referendum f’Marzu 2015.
Matul din il-ġimgħa, il-President approvat it-talba tal-kummissjoni elettorali sabiex jitwal iż-żmien meħtieġ biex jiġu vverifikati l-44,000 firma bi tliet xhur oħra. Steve Micklewright, kelliem f’isem il-koalizzjoni, qal li huma qed jistennew li dan id-dewmien ma jaffetwax id-data tar-referendum li hemm maħsub għal Marzu 2015. “Din se tkun waħda mit-talbiet tagħna fil-laqgħa mal-kummissjoni u se nitolbu li ningħataw garanzija li kollox ser jinżamm kif ippjanat minħabba li aħna rridu li r-referendum jinżamm mal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali” temm jgħid Micklewright.
Intant id-deputat chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo min-naħa tiegħu wkoll ikkonferma li l-koalizzjoni saret taf bit-tibdil fid-data matul din il-ġimgħa u li bħala koalizzjoni se jkunu qed jiltaqgħu mal-kummissjoni elettorali. Qal ukoll li huma japprezzaw il-fatt li l-kummissjoni elettorali preżentement hi impenjata bix-xogħol tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u għalhekk mhumiex sorpriżi li bin-nuqqas ta’ riżorsi li hemm, saret din it-talba għal aktar ħin biex jiġu vverifikati l-firem kollha. Żied li madankollu, huma xorta jistennew li d-dati jiġu rispettati.
Il-koalizzjoni li hi magħmula minn 11-il organizzazzjoni u tinkludi lil Birdlife Malta u l-Alternattiva Demokratika, ġabret firem aktar mill-10% li hemm bżonn sabiex jissejjaħ ir-referendum abrogattiv.