Sfidi

minn Charlon Gouder

Fil-jiem li għaddew kelli l-opportunità li nżur diversi postijiet tax-xogħol f’Għawdex. Fosthom iltqajt ma’ Pisani Woodworks, Ipurfina, The Blacksmith, Apap John Furniture u Carefree Furniture.
Kull wieħed u waħda minn dawn il-kumpaniji għandhom il-potenzjal li jħaddmu sa massimu t’10 persuni iżda n-numru ta’ impjegati magħhom huwa ferm inqas minn hekk. Allura staqsejt għaliex. Il-messaġġ tagħhom kien wieħed ċar. “Irridu naħdmu, għandna x-xogħol madanakollu għandna bżonn l-impjegati mħarrġa. Il-messaġġ li tawni dawn il-fabbriki ta’ daqs żgħir f’Għawdex huwa l-istess messaġġ li rċevejt f’Malta mingħand sidien ta’ postijiet tax-xogħol li jħaddmu kemxejn aktar ħaddiema.
Jirriżulta li waħda mill-isfidi li qed niffaċjaw bħala gżira, Għawdex aktar minn Malta, huwa t-taħriġ tal-ħaddiema, l-aktar tal-istudenti li jridu jidħlu fid-dinja tax-xogħol imma qed isibuha diffiċli jagħmlu l-bidla mill-bank tal-iskola għall-bank tax-xogħol.
Nemmen li din ir-realtà jeħtieġ li tiġi indirizzata kif fil-fatt bdiet tiġi indirizzata mill-Gvern tal-ġurnata.
L-MCAST qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna għaliex qed ihejji l-istudenti għax-xogħol tal-lum u t’għada. Madanakollu f’pajjiżna għad għandna industriji li tradizzjonalment kienu jattiraw lejhom ħafna impjiegi imma llum naqsu fl-importanza b’konsegwenza li naqas it-taħriġ u min iħaddem qed jiffaċja realtà ta’ nuqqas ta’ riżors uman. Fost l-aktar industriji li qed jiffaċjaw problema ta’ riżors uman insibu dawk l-industriji tradizzjonali bħal tal-mechanic, tal-penal beater, il-ħaddied u t-tapizzar. Dawn huma industriji li għadhom preżenti f’pajjiżna u jeħtieġ li jiġu sostnuti biex bħal ħaddieħor ikomplu jimirħu fl-opportunitajiet tagħhom.
Nemmen li l-inizjattiva tal-Gvern li tindirizza t-taħriġ fost l-istudenti hija tajba u jeħtieġ li tkompli tikber u titjieb.
Fil-fatt fil-jiem li għaddew il-Gvern ħabbar li mat-tmenin kumpanija daħlu fi skema biex jipprovdu opportunità lil 730 apprentistat biex jiksbu esperjenza diretta fuq is-suq tax-xogħol. Permezz ta’ din l-iskema, bil-għajnuna tal-MCAST u l-Jobs+, il-Gvern ser ikun qed joffri lil min iħaddem deduzzjoni ta’ €600 għal kull work placement u €1,200 għal kull apprentistat li jdaħħal miegħu. Permezz ta’ dawn il-programmi u programmi oħra ta’ taħriġ u allowance ta’ €25 fil-ġimgħa għal dawk li jaqilgħu inqas minn €300 fil-ġimgħa għandhom l-għan li jintroduċu aktar ħaddiema fis-suq tax-xogħol.
Biex nindirizza dan il-qasam, li għaliha huwa prijorità, sehmi fil-Parlament Ewropew ser jikkumplimenta x-xogħol tal-Gvern Malti biex nattiraw lejn pajjiżna aktar fondi mmirati għat-taħriġ. It-taħriġ, għalija, huwa ċ-ċavetta tal-ħajja. Nemmen li għandna bżonn nagħmlu sforz akbar lejn dawk l-istudenti żgħażagħ li jridu jidħol fid-dinja tax-xogħol imma qed isibuha diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ taħriġ.
B’fondi speċjali li jaqgħu taħt il-Fond Soċjali Ewropew Malta tista’ tagħmel bħal dak li għamlu pajjiżi oħra fosthom il-Ġermanja, l-Awstrija, id-Danimarka, in-Norveġja, l-Olanda u l-Isvezja fejn hemmhekk it-transizzjoni tal-istudent mid-dinja tal-istudji għad-dinja tax-xogħol hija fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea.
B’dan kollu f’moħħi l-għan tagħna lkoll għandu jkun li ninvestu f’aktar fit-taħriġ tal-ħaddiema biex inkattru l-innovazzjoni u l-kreattività. Fuq kollox sehemna fil-Parlament Ewropew irid ikun li nkattru Ewropa soċjali għaċ-ċittadin. Ewropa soċjali li tpoġġi fil-mira tagħha l-opportunitajiet u mhux l-awsterità… Ewropa li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura… Ewropa li fi kriżi finanzanjarja ma tippenalizzax lil min lanqas li għandu jiġi ppenalizzat.
Għalhekk il-ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità b’taħriġ ta’ kwalità għandu jkun l-prijorità tagħna lkoll… kull ħin u kull mument.
L-għażla tal-24 ta’ Mejju trid tkun primarjament motivata fuq min kapaċi li joħloq xogħol ta’ kwalità f’pajjiżna.
F’pajjiżna, bl-attitudni tiegħu ta’ Gvern pro business, il-Gvern fl-ewwel 10 xhur tas-sena ħoloq klima biex inkattru l-impjiegi tant li f’dan il-perjodu nħolqu 5,000 impjieg ġdid... fil-maġġoranza tagħhom full time. Fl-istess ħin qed naħsbu f’dawk li jaqgħu lura bħall-garanzija taż-żgħażagħ, l-Employment Aid Programme u l-iskema tal-apprentistat.
Xogħolna fil-Parlament Ewropew issa jrid jikkumplimenta dak tal-Gvern Malti biex niġbdu lejna aktar negozju, inkabbru l-ekonomija u naħsbu f’dawk li jaqgħu lura. Fuq kollox irridu naħdmu biex ikollna tkabbir ekonomiku li jkun sostenibbli billi nagħtu spinta ġdida lill-istrateġija Ewropa 2020 li fl-aħħar snin ħadet daqqa ta’ ħarta propju minħabba l-kriżi ekonomika.

Charlon Gouder hu kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista

More in Politika