Hekk kif qed jersaq qrib l-ewwel anniversarju minn mindu ħa t-tmexxija tal-pajjiż, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jevalwa b’mod konkret l-idea li fi ftit xhur jagħmel reshuffle tal-Kabinett. Jidher li Muscat irid jieħu vantaġġ mill-fatt li fi ftit xhur irid jaħtar President tar-Repubblika u Kummissarju Ewropew.
Sors li tkellem mal-ILLUM sostna li dawn il-bidliet għandhom isiru qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.
“Dawk li ma ssodisfawx lil Prim Ministru se jitilfu posthom filwaqt li dawk li ħadmu tajjeb se jkunu promossi,” qal is-sors.
Il-ministri l-aktar fil-periklu li jitilfu posthom fil-Kabinett huma Edward Scicluna u Godfrey Farrugia, li jmexxu l-aktar ministeri importanti: tal-finanzi u tas-saħħa rispettivament. Dawk li jidher li ssodisfaw l-aktar lil Muscat huma s-segretarji Parlamentari Owen Bonnici, Edward Zammit Lewis u Ian Borg, li jirrappreżentaw il-wiċċ żagħżugħ tal-kabinett.
Jidher li Muscat hu sodisfatt bid-dedikazzjoni ta’ Konrad Mizzi, Marie-Louise Coleiro Preca, Evarist Bartolo, Chris Cardona u Joe Mizzi, b’dan tal-aħħar ikollu wkoll il-problema tat-trasport pubbliku x’isolvi wara t-tluq tal-Arriva. Kollox jindika li dawn il-ministri se jżommu posthom fil-Kabinett.
Il-Ministru tas-Saħħa hu kkunsidrat bħala l-weakest link tal-Kabinett. Wieħed seta’ jinnota żieda sostanzjali fil-konferenzi tal-aħbarijiet li saru dan l-aħħar biex jippruvaw jagħtu sinjal pożittiv dwar il-ħidma tiegħu. Ftit jiem ilu ddefenda l-pożizzjoni tiegħu meta qal li ma setax jattwa r-riformi meħtieġa mill-ewwel ġurnata għax sab li l-pedamenti tas-settur ma kienu sodi xejn.
Il-Ministru tal-Finanzi jeċċella bħala ekonomista iżda mhux daqstant fl-irwol politiku. Dan jista' jwassal biex hu wkoll jitlef postu, minkejja li l-baġit kien meqjus bħala pożittiv.
Jekk kif maħsub il-Prim Ministru jagħżel membru tal-Kabinett bħala president, allura l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella u d-deputat Prim Ministru Louis Grech huma l-aktar favoriti.
Huwa fatt magħruf li Muscat jixtieq mara li sservi ta’ President, wara li l-unika mara li żammet din il-kariga kienet Agatha Barbara fit-tmeninijiet. F’dan ix-xenarju l-għażla hija limitata iżda tista taqa’ fuq il-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca.