Eddie Fenech Adami: jibqa’ mnaqqax fl-istorja ta’ pajjiżna

Il-legat ta’ Eddie Fenech Adami: il-pożittiv u n-negattiv mil-lenti ta' min ħadem miegħu

Eddie Fenech Adami
Eddie Fenech Adami

Eddie Fenech Adami ngħaqad mal-Partit Nazzjonalista fil-bidu tal-1960. Huwa kien elett għall-ewwel darba fil-parlament fl-1969. Fenech Adami jibqa’ magħruf li wassal lil Malta għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Il-Gazzetta ILLUM tkellmet ma’ xi personalitajiet dwar il-legat ta’ Eddie Fenech Adami. Huwa spjegaw l-esperjenza tagħhom u semmew il-pożittiv u n-negattiv tal-legat tiegħu. 

L-eks Ministru Laburista Lino Spiteri ddeskriva lil Eddie Fenech Adami bħala “politiku minn rasu sa saqajh.” 

Spiteri spjega kif Fenech Adami beda fil-PN minn kmieni u minn kmieni wkoll sab ruħu jgħum fil-fond tal-politika Maltija. Fost oħrajn semma kif kellu jiffaċċja wiċċ imb wiċċ lill-avversarju formidabbli, il-Perit Duminku Mintoff. 

“Fil-fatt Mintoff għamel żball politiku kbir meta ma qiesx biżżejjed il-kapacità ta’ Fenech Adami li jippenetra fost il-poplu Malti.” 

Spiteri qal li Fenech Adami għamel dan billi mill-ewwel snin tat-tmexxija tiegħu żdiedet il-militanza fil-Partit Nazzjonalista f’ċirkustanzi li dehru li jiġġustifikaw dik il-militanza.

“Ġraw ħafna affarijiet li t-truf tagħhom baqgħu mhux magħrufa sewwa, però fl-aħħar mill-aħħar it-tattika u l-istrateġija wasslet biex rebaħ il-gvern għal darba darbtejn tliet darbiet.”

L-eks Ministru Laburista qal li Fenech Adami u seta’ jagħmel bħala Prim Ministru tibdiliet li Malta kienet teħtieġhom u oħrajn li setgħu kienu eċċessivi kif jiġri meta partit ikun ilu barra mill-gvern. “Ngħidu aħna, sar ħafna kliem dwar rikonċiljazzjoni. Fil-verità kien hemm, iżda min jaħseb li kien hemm sal-estenti li tissemma… qed jiżbalja,” saħaq Lino Spiteri.

Hu fisser kif kien hemm ħafna nies tal-fehma Laburista fis-settur pubbliku li ġew imwarrba. “Saħansitra f’ċerti każi dawn ġew imwarrba b’mod kattiv imqegħdin f’kamra għalihom qishom qegħdin solitary confined.”

Spiteri sostna li Fenech Adami kien politiku kbir li għamel ġid enormi lill-pajjiżna. “Iżda kollox ma kollox, il-kontribut tiegħu fil-politika dejjem kien għal ġid nazzjonali u żgur li kien fil-bilanċ pożittiv. Għalhekk jistħoqqlu li wieħed isellimlu f’dan il-jum meta qed jiċċelebra għeluq sninu.”

L-avukat Wenzu Mintoff qal li l-figura storika ta’ Eddie Fenech Adami wieħed irid jaraha fil-kuntest ta’ pajjiż li minn fuqu għaddew biss ftit għexieren ta’ snin mill-Indipendenza tiegħu. 

“Ma nistgħux nipparagunaw lil Malta ma’ pajjiżi li l-isitituzzjonijiet tagħhom ilhom li evolvew ħafna snin qabel tagħna. Kemm il-preġji u l-punti negattivi fil-legat li ħalla warajh Fenech Adami, wieħed irid jarahom f’dan l-ambitu,” qal Mintoff.

Hu spjega kif fl-Oppożizzjoni Fenech Adami kien jidher konfrontazzjonali, kumbattiv u forsi anki provokattiv.

Bħala Prim Ministru huwa assuma r-rwol ta’ statista, kellu sehem kbir fit-tisħiħ tad-demokrazija ta’ pajjiżna, biex pajjiżna jgħaddi għan-normalità u jkun hawn l-istabbilità u l-kalma.

“Konkwisti ewlenin ta’ Fenech Adami kienu bla dubju l-liberalizzazzjoni tas-suq u żvilupp ekonomiku b’ritmu sostnut biex pajjiżna jkun aktar kompetittiv f’dinja globalizzata. U marbut ma’ dan, id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.”

Mintoff qal li minkejja li l-klima politika tjiebet ħafna fi żmienu bħala Prim Ministru, uħud mill-aktar punti importanti mill-famużi 20 punt tal-programm elettorali tal-1987 mhux kollha saru realtà

“Il-korruzzjoni tiġi meqruda bl-għeruq u x-xniexel... nerġgħu nsiru lkoll aħwa Maltin... Malta terġa’ twarrad bis-sbuħija. Lanqas ġew megħluba għal kollox it-tribaliżmu u l-polarizzazzjoni politika.”

In-neputi tal-Perit Dom Mintoff qal li Fenech Adami ser jibqa’ kollonna ewlenija fl-isfera politika ta’ pajjiżna. “Żgur li Fenech Adami għad ikollu l-profil tiegħu mnaqqax fuq il-Mount Rushmore tal-istorja ta’ pajjiżna.”

Ix-xandar Peppi Azzopardi semma esperjanza li għadda minnha u li ħalliet impressjoni fuqu. “Darba, qabel ir-referendum, kien ġie f’Xarabank u qabel il-programm kien ġol-green room jitkellem ma’ persuni li jafda. Inzertajt kont qed nissemma bla ma jaf. Xi ħadd kien qallu li jekk Alfred Sant jaċċetta r-riżultat tar-referendum, kien jirbaħ l-elezzjoni. Fenech Adami kien wieġeb li ma jimpurtax li l-Partit Nazzjonalista jitlef l-elezzjoni iżda l-aqwa li ma jintilifx iċ-ċans li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea.”

Azzopardi sostna li Eddie Fenech Adami wettaq rivoluzzjoni siekta jisimha ‘solidarjetà’. Ħoloq spazji enormi biex ħadd ma jibqa’ lura. Ir-riħ tal-bidla fi żmienu sar riefnu. 

Il-preżentatur tal-programm Xarabank qal li iżda kienet il-libertà li għasses kuljum li xelfet ‘il-valuri tradizzjonali’ li bdew jinbiddlu bil-bidla li ġab huwa stess.

“Bħala Prim Ministru kien jisħaq fuq il-valuri nsara. Jien kont wieħed minn dawk li ġieli kien ‘iqabbiżieli’ jitkellem qisu l-Knisja. Iżda llum naħseb li kienu dawn l-istess valuri nsara li mexxewh u naħseb li kieku ma kienx jemmen u jgħix dawn il-valuri ma kienx iġib ir-rivoluzzjoni siekta li ġab fil-qasam soċjali,” temm jgħid Peppi Azzopardi.

Joe Grima qal li t-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami li qabel l-elezzjoni tal-1987 kien wiegħed li jekk jitla’ hu, aħna nkunu lkoll aħwa Maltin, bdiet ħażin b’arroganza spjetata fil-Parlament mal-Oppożizzjoni minn uħud mill-Ministri u d-deputati Nazzjonalisti ġodda u b’mijiet ta’ transfers lill-nies li ma kinux tal istess fehma politika tal-Gvern il-ġdid.

“Jien naħseb li dan ma kienx dak li xtaq Fenech Adami imma li, fi ftit ġranet wara r-rebħa tal-Partit Nazzjonalista, tilef il-kontroll fuq in-nies ta’ taħtu u tħallew isiru inġustizzij serji u abbundanti. Aktar tard fl-amministrazzjoni tiegħu, hu stess instab ħati ta’ diskriminazzjoni politka.”

Barra minn hekk, Fenech Adami, li huwa kredenti profond, għabba l-priniċipji reliġjużi tiegħu fuq in-nazzjon kollu u b’hekk drittijiet ċivili li fl-Ewropa kienu ilhom li daħlu, fi żmienu, f’pajjiżna, baqgħu ma daħlux. 

Grima fisser il-pożittiv ta’ Fenech Adami kien li taħtu l-pajjiż għamel progress ekonomiku, fetaħ toroq ġodda bħal ma kienu s-servizzi finanzjarji fejn kellu suċċess u, permezz tal-viżjoni Ewropea tiegħu u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, seta’ joffri orizzonti ġodda lill-Maltin, speċjalment liż-żgħażagħ. 

“Kollox ma kollox jien jidhirli li Fenech Adami għandu jibqa’ mfakkar bħala politiku, jekk mhux statista kredibbli li ta sehem importanti għall-progress ta’ pajjiżna f’diversi sferi tal-ħajja.”

Fenech Adami huwa statista kbir. Fl-1977, ftit inqas minn għaxar snin wara li daħal fil-parlament, wara li kien serva f’bosta karigi fil-partit, li jinkludu President tal-Amministrazzjoni u tal-Kunsill Ġenerali, Fenech Adami ġie elett kap tal-Partit, fejn ħa post lill-predeċessur Ġorġ Borġ Olivier.

Mill-1969, Fenech Adami ġie elett f’kull elezzjoni ġenerali u bħala Kap tal-Partit huwa rebaħ erba’ elezzjonijiet 1987, 1992, 1998 u 2003. Fl-1981, għalkemm il-Partit Nazzjonalista ġab il-maġġoranza tal-voti, ma ġabx il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-parlament u għalhekk baqa’ fl-Oppożizzjoni. Tibdil fil-kostituzzjoni ta garanzija li l-partit li jirbaħ b’maġġoranza assoluta ta’ voti jkollu maġġoranza ta’ unijiet. Fil-fatt hekk ġara fl-1987.

Bejn l-1987 u l-1996, Fenech Adami bħala Prim Ministru ta’ Malta kkommetta ruħu għal bidliet maġġuri f’pajjiżna. L-infrastruttura tal-pajjiż, l-istrutturi tal-qasam tax-xogħol u dawk legali ġew leġislati mill-ġdid. Is-settur tal-kummerċ ukoll ingħata bidu ġdid u kien ġie meħlus mis-settur pubbliku. Il-qasam tal-komunikazzjoni, tal-banek u servizzi tal-finanzi ġew liberazzati u privatizzati. Malta bdiet ukoll żmien ta’ integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea. Malta applikat għall-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ Lulju 1990.

Bejn l-1996 u l-1998 Fenech Adami serva bħala Kap tal-Oppożizzjoni sakemm il-partit tiegħu rritorna fil-gvern f’Settembru 1998. Fenech Adami serva ħames snin oħra bħala Prim Ministru u kap tal-Partit Nazzjonalista. 

L-applikazzjoni ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea kienet ġiet attivata mill-ġdid minħabba l-Gvern Laburista ta’ qablu ffriża din l-applikazzjoni. In-negozjati mal-Unjoni Ewropea ġew konklużi f’Diċembru 2002. 

F’April 2003 wara rebħa kemm fir-Referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-elezzjoni ġenerali. Fenech Adami ġie kkonfermat bħala Prim Ministru mill-ġdid.

Ftit jiem wara, fis-16 ta’ April 2003, Fenech Adami ffirma s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ kapijiet oħra li kienu se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Bħala Prim Ministru Fenech Adami attenda bosta summits tal-Unjoni Ewropea u rrappreżenta lil Malta f’bosta laqgħat tal-Commonwealth. Bħala kap tal-partit huwa attenda diversi laqgħat tal-Partit Popolari Ewropew. F’Diċembru 2003 Fenech Adami rċieva l-premju tal-Ewropew tas-Sena. Il-Premju kien mingħand il-gazzetta famuża European Voice għall-isforz li għamel favur is-sħubija ta’ Malta fl-UE.

Fis-7 ta’ Frar 2004, mal-għeluq tas-sebgħin sena, Fenech Adami rreżenja bħala kap tal-partit. Fit-23 ta’ Marzu 2004 huwa rreżenja wkoll kemm mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll mis-siġġu parlamentari tiegħu.

Inqas minn ġimagħtejn wara, Fenech Adami laħaq President ta’ Malta fejn ħa post Guido de Marco bħala s-seba’ President tar-Repubblika ta’ Malta.

More in Politika