Titjira fuq ajruplan tal-Forzi Armati minn Gonzi fuq xogħol tal-Partit

L-eks Ministri Nazzjonalisti  Giovanna Debono u Chris Said fl-aħħar ukoll għamlu użu mill-ħelikopter tal-Forzi Armati
L-eks Ministri Nazzjonalisti Giovanna Debono u Chris Said fl-aħħar ukoll għamlu użu mill-ħelikopter tal-Forzi Armati

L-Erbgħa, 4 ta’ Mejju 2011: titjira minn Malta sa Sqallija u oħra minn Sqallija għal Malta permezz tal-ajruplan AS1126 tal-Forzi Armati. Passiġġier fuq iż-żewġ titjiriet - l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. L-okkażjoni, kungress tal-Partit Popolari Ewropew, li tiegħu l-Partit Nazzjonalista huwa membru. 

L-ewwel titjira ħalliet Malta fit-8am u waslet Palermo fid-9.05am. It-tieni titjira ħalliet Palermo fl-4pm u waslet lura Malta fil-5pm. Il-Kungress li fih ħa sehem Lawrence Gonzi ma kellu x’jaqsam xejn max-xogħol tal-gvern, iżda l-eks Prim Ministru ma ra assolutament xejn ħażin li juża propjetà pubblika biex jattendi għal attività fil-kapaċita tiegħu ta’ Kap Nazzjonalista. Iż-żewġ titjiriet swew €2,500.

Minkejja li jekk wieħed jagħmel tfittxija fuq l-internet isib minnufih li fl-4 ta’ Mejju 2011, Lawrence Gonzi kien f’Palermo biex jieħu sehem fil-Kungress tal-Popolari Ewropej, il-Forzi Armati żammet l-iskop tat-titjiriet bl-ajruplan tagħha AS1126 bħala sigriet.

Sadanittant ILLUM huwa informat ukoll li l-eks-Ministri Nazzjonalisti Giovanna Debono u Chris Said fl-aħħar legislatura, ukoll għamlu użu mill-ħelikopter tal-Forzi Armati minflok il-vapur tal-Gozo Channel, biex qasmu bejn Malta u Għawdex. Debono qasmet waħedha bil-ħelikopter fid-29 ta’ Mejju 2012 bi spiża ta’ €1,300. Said qasam waħdu bil-ħelikopter fl-1 ta’ Ġunju 2012 u l-ispiża kienet ta’ €900. L-iskop ta’ dawn iż-żewġ titjiriet ukoll inżamm sigriet.

Quddiem dawn il-fatti, tistona b’mod qawwi l-kritika li fil-jiem li għaddew saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li sejjaħ bħala abbuż sfaċċat tal-poter l-użu ta’ ħelikopter tal-Forzi Armati biex id-Deputata Laburista Justyne Caruana qasmet bejn Malta u Għawdex biex setgħet taqbad titjira marbuta max-xogħol parlamentari tagħha.

More in Politika