Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa jista’ jiġi privatizzat
More in Politika
Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li l-ġnien li hemm fix-Xatt tal-Gżira maġenb il-Yacht Marina li qabel kien Ġnien il-Gżira u Ġnien Yacht Marina u dan l-aħħar snin insibuh bħala Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa jista’ jiġi privatizzat.
Dan il-ġnien, devolut lill-Kunsill Lokali, joffri post ta’ rikreazzjoni għall-kbar u għaż-żgħar. Għalhekk huwa amministrat mill-Kunsill li qed jimpennja ruħu bis-sħiħ biex isebbħu. Din il-gazzetta hi infurmata li l-ġnien jista’ jinkera għall-attivitajiet privati u pubbliċi skont il-Bye Law ippubblikata mill-Kunsill Lokali.
F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, id-deputat Nazzjonalista mid-disa’ distrett, Kristy Debono, qalet li rċeviet numru kbir ta’ telefonati minn residenti Ta’ Xbiex u tal-Gżira dwar il-fatt li l-Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa jista’ jiġi privatizzat.
“Jiena min-naħa tiegħi se nkun qed nistħarreġ din l-informazzjoni u għal dan il-għan preżentajt sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari. Jekk dan hu minnu nistennew spjegazzjoni ċara mill-Kunsilli Lokali ta’ Ta’ Xbiex u l-Gżira kif ukoll mill-Gvern għax dan se jwassal għall-bejgħ ta’ spazju pubbliku li jservi għar-rikrezzjoni tar-residenti tal-madwar u familji oħra.”
Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Kunsill Lokali tal-Gżira dwar jekk huwiex minnu li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet sabiex Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa, li jaqa’ taħt ir-reponsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Gżira jiġi privatizzat.
Is-Sindku Laburista tal-Gżira Roberto Cristiano kkonferma dan u qal li ntalab sabiex jattendi laqgħa bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Ġnien Kunsill tal-Ewropa fil-Gżira.
“Il-laqgħa saret mal-awtoritajiet konċernati. Din kienet relatata mal-proċess tal-preparazzjoni għall-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Gżira. L-għan ewlieni tal-laqgħa kienet sabiex niddiskutu l-proġett kollu.”
Is-Sindku Cristiano fisser kif waqt il-laqgħa huma raw preżentazzjoni bl-idea li l-Ġnien tal-Gżira jkun integrat mal-proċess ta’ tendering bħala parti mill-preparazzjoni għall-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Gżira. Dan sabiex it-tisbiħ taż-żona, it-titjib u l-manutenzjoni jkun iffinanzjat b’konsorzju li jingħata b’tender bħala parti mit-tisbiħ taż-żona. Madankollu, is-sindku qal li l-gvern għamilha ċara li l-ġnien tal-Gżira se jibqa’ miftuħ għall-pubbliku mingħajr ħlas.
“Id-diskussjoni ma kinitx biss fuq il-Ġnien tal-Gżira, iżda tkellimna wkoll dwar il-parkeġġ u t-tisbiħ taż-żona tal-madwar. Barra minn hekk, iddiskutejna wkoll kwistjoni importanti ħafna li hemm bżonn li tiġi indirizzata: l-istorm water flooding taż-żona.”
Minkejja li sa issa l-Kunsill Lokali tal-Gżira għadu ma ħax deċiżjoni dwar din il-kwistjoni, il-kunsill qed iħares lejn dan il-progett b’lenti oġġettiva sabiex dan il-proġett ikollu impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, il-komunità tan-negozju u l-familji kollha li jagħmlu użu minn din iż-żona.
Is-Sindku Laburista ta’ Ta’ Xbiex, Max Zammit, qabel ma’ dak li qal is-sindku tal-Gżira. “Bħalissa għaddejjin mill-proċess ta’ konsultazzjoni bikrija. Il-Kunsill Lokali għadu ma ħa l-ebda pożizzjoni imma nwiegħdu li se nħarsu lejn din il-kwistjoni b’serjetà liema bħala u se ngħaddu l-proposti tagħna ħalli jkollna ġnien aħjar.”