Fearne jista’ jagħmel ritorn qabel l-elezzjoni

Persuni viċin Fearne stqarrew li apparti li Fearne u l-avukati tiegħu jemmnu li m’hemmx każ kontrih, jemmnu wkoll li l-każ tiegħu jista’ jingħalaq sa inqas minn sena u jtih iċ-ċans jagħmel comeback politiku 

Ħafna minn dawk li llum qed jaffaċċjaw proċeduri kriminali kontrihom wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar il-Vitals mill-Maġistrat Gabriella Vella ħadu r-ruħ hekk kif il-prosekuzzjoni talbet li minflok li jittellgħu kollha f’daqqa jittellgħu fi gruppi iżgħar. Bl-iktar persuna li ħa r-ruħ kien Chris Fearne, li kien qata’ qalbu li qatt jara l-proċess ġudizzjarju jispiċċa minħabba dewmien proċedurali esaġerat f’kull seduta. Tant hu hekk li persuni viċin Fearne stqarrew li apparti li Fearne u l-avukati tiegħu jemmnu li m’hemmx każ kontrih, jemmnu wkoll li l-każ tiegħu jista’ jingħalaq sa inqas minn sena u jtih iċ-ċans jagħmel comeback politiku. 

Dan qed jintqal għax fil-każ ta’ Fearne, il-prosekuzjoni, jiġifieri l-avukat ġenerali, iddikjarat li m’hemmx aktar provi ħlief għad-dikjarazzjonijiet tal-esperti. Qed jingħad li l-uniku xhieda li fadal fil-każ ta’ Chris Fearne (u Edward Scicluna) għalhekk huma l-esperti.   

Fearne, li kien Deputat Prim Ministru tal-Gvern Laburista u l-kandidat għall-Kummissarju għall-Kummissjoni Ewropea, kellu jirriżenja minn Deputat Prim Ministru meta ħarġu l-akkużi. Bħala avukati għandu l-iktar avukati magħrufa fil-qasam kriminali u kkunsidrati bħala mustaċċuni f’dan il-kamp.  

Din il-gazzetta hija infurmata li l-avukati huma kunfidenti li meta jirnexxilhom iġibu l-esperti barranin u jixhdu l-esperti, il-każ kontra Fearne ikun wieħed ċara. Fl-opinjoni tagħhom, il-konklużjonijiet tal-inkjesti fil-konfront ta’ Fearne huma konġetturi u suppożizzjonijiet.  

“M’hemmx prova diretta jew indiretta li Fearne għamel jew ħa xi deċiżjoni illegali jew inkella li rċieva xi pjaċir jew flus dirett jew indirett. Anzi kien wieħed minn dawk li wissa fuq il-Vitals u l-Istewards lill-Prim Ministri tiegħu u l-kabinett. U kull deċiżjoni li ħa ħadu bl-approvazzjoni tal-Kabinett.” 

Fearne baqa’ sieket u silenzjuż minn mindu ħarġu akkużi kontrih. Stqarr kemm-il darba li hu jirrispetta d-deċiżjoni tal-proċess ġudizzjarju minkejja li privatament huwa mweġġa’ kif il-kanuni daru fuqu u kif il-ħajja politika tiegħu ġiet imminata. 

Fearne għadu rrispettat bil-kbir fil-Partit Laburista, kif ukoll fil-kamp ta’ dawk il-persuni li mhumiex politikament assoċjati. Il-gazzetta ILLUM hija infurmata li, minkejja kollox, għadu interessat ħafna fil-ħajja politika u l-Partit Laburista imma fil-preżent qed jiffoka dwar l-eżitu ta’ dan il-każ kriminali.  

Fearne, li qabel ma daħal fil-politika kien tabib u kirurgu ewlieni tat-tfal, kien ukoll kandidat għall-Mexxej tal-Partit Laburista fl-2020, li kien tilef f’tiġrija ma’ Robert Abela wara r-riżenja ħesrem ta’ Joseph Muscat wara li ħarġu dettalji dwar il-każ Yorgen Fenech. 

 

More in Politika