Konrad Mizzi jgħid li l-PN kien jaf bis-serq tal-elettriku

F’intervista li xxandret is-Sibt filgħodu fuq ir-radju tal-Partit Laburista, il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi lbieraħ qal li l-eks Ministru Tonio Fenech, li kien responsabbli mill-Enemalta, kien jaf bis-serq ta’ elettriku li kien għaddej iżda naqas milli jieħu azzjoni.

L-eks-Ministru Tonio Fenech
L-eks-Ministru Tonio Fenech

“Min hu involut f’dan is-serq se jħallas. Iżda min se jerfa’ r-responsabbiltà politika?” staqsa Konrad Mizzi fl-intervista.

Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, tmien impjegati tal-Enemalta ġew sospiżi wara li bagħbsu madwar elf smart meter b’tali mod li jirrekordja inqas units minn dak li kien qed jiġi kkonsmat. Is-serq hu stmat li jlaħħaq mal-10% tal-produzzjoni totali tal-elettriku.

Fl-intervista, il-Ministru Konrad Mizzi saħaq li fis-snin li għaddew kien hemm bosta suspetti u rapporti fil-mezzi tax-xandir li ġew miċħuda mill-gvern ta’ dak iż-żmien. 

“Il-Ministru għall-Enerġija m’eskludiex li jkun hemm aktar sospensjonijiet, hekk kif numru ta’ persuni qed ikomplu jersqu ’l quddiem b’aktar informazzjoni. 

“L-intenzjoni tagħna hi li nqajmu l-Enemalta fuq saqajha u ma nittollerawx aktar serq u aktar abbuż.”

Iżda Tonio Fenech ċaħad dak li qal Mizzi u qal li se jittieħdu azzjonijiet legali kontra tiegħu.

“Kieku dan kien il-każ kont immur ninforma lil pulizija. Imma assolutament ma kellniex ħjiel dwar dan. L-unika ħaġa li konna konxji dwarha kienet li ċertu smart meters kellhom xi difetti u konna bgħatnihom għand il-kumpanija Taljana ENEL biex tinvestiga dawn in-nuqqasijiet,” qal Tonio Fenech meta kkuntattjat mill-MaltaToday. 

Id-deputat Nazzjonalista qal li hu l-Ministru Konrad Mizzi li għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika wara li kien ta promozzjoni lil Louis Attard, li mbagħad instab li kien wieħed mill-impjegati sospiżi.

More in Politika