“Il-Gvern qiegħed jaċċetta dak li jaqbel lilu biss” – Comodini Cachia

“Ir-residenti u anke jien imħassbin ferm bil-fatt li l-bini ta’ power station ġdida se ssir billi jiġu ankrati tankijiet ta’ gass likwidu fiċ-ċentru tal-bajja ta’ Marsaxlokk.”

Therese Comodini Cachia
Therese Comodini Cachia

Dan qalitu l-Kandidata għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Birżebbuġa flimkien mal-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Stanley Zammit. Huma esprimew it-tħassib tagħhom u tar-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta, speċjalment għar-residenti f’Birżebbuġa u f’Marsaxlokk.

Comodini Cachia semmiet kif għar-residenti dan ifisser li se jiġu esposti għal riskji, tfixkil fl-eżerċizzju tax-xogħol tagħhom, tfixkil fl-eżerċizzju tal-ħajja familjari tagħhom, tfixkil fid-drittijiet fuq il-proprjetà tagħhom, u preġudizzju fuq id-dehra tal-inħawi.

“L-għan tiegħi llum mhuwiex li nikkontesta jekk hemmx bżonn power station ġdida la darba għandna l-interconnector u l-pipeline, iżda li la darba saret l-għażla ta’ kif din se titwettaq nikkunsidra kif din il-proposta se taffettwa lir-residenti l-aktar viċin għaliha. Sfortunatament, jidher li l-Gvern qiegħed jaċċetta dak li jaqbel lilu biss,” temmet tgħid Comodini Cachia.

More in Politika