Kieku s-segwaċi ta’ Facebook ifissru voti…
James J. Piscopo jagħti ħarsa lejn il-popolarità tal-kandidati għall-Parlament Ewropew fuq id-dinja virtwali ta’ Facebook
minn James J. Piscopo
Disgħin jum biss ’l bogħod mill-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-kandidati għaddejjin bil-ħidma sfieqa tagħhom biex jiksbu prominenza u jirbħu xi vot.
F’kuntest fejn id-dinja virtwali ta’ Facebook issa daħlet kważi f’kull dar, bir-raġun kollu l-kandidati li qed jaspiraw li jservu fi Brussell jużaw dan il-mezz biex iwasslu l-messaġġ tagħhom u jħeġġuk biex – kif ngħidu llum il-ġurnata - tfaqqagħlhom like.
Minn stħarriġ li għamlet din il-gazzetta jidher li mit-total ta’ 25 kandidat approvati s’issa għat-tliet partiti ewlenin, kull kandidat juża dan il-mezz.
Peress li bosta kandidati kellhom saħansitra żewġ u tliet profili differenti, u għaldaqstant votant seta’ jkun f’aktar minn profil wieħed tal-istess kandidat, ħadna biss inkonsiderazzjoni l-paġni uffiċjali tal-kandidati.
Sal-Ġimgħa 21 ta’ Frar, meta nġabret din l-informazzjoni, il-kandidat Laburista u eks kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, Cyrus Engerer, kien il-kandidat bl-akbar ammont ta’ segwaċi fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook. Hu kien l-unika kandidat li qabeż il-ħdax-il elf like.
Roberta Metsola hija t-tieni l-aktar kandidata segwita u l-aktar MEP popolari b’10,600 like. Fit-tielet post, issegwi Deborah Schembri bi kważi 9,200 like, anke jekk hi jista’ jkollha vantaġġ fuq kandidati oħra peress li użat l-istess paġna għall-elezzjoni ġenerali.
Ir-raba’ u l-ħames post huma okkupati minn Miriam Dalli u David Casa rispettivament. L-eks preżentattriċi tal-ONE għandha 8,840 like filwaqt li l-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista għandu ftit inqas minn 8,700.
Interessanti l-fatt li sal-Erbgħa 19 ta’ Frar, Dalli u Casa kienu ras imb ras bl-istess ammont ta’ likes (8,680), li jfisser li fi żmien jumejn Dalli telgħet b’160 filwaqt li Casa żdied b’14.
Minkejja li kull kandidat juża Facebook, kienu żewġ kandidati biss li ma fetħux paġna apposta iżda żammew il-profil personali tagħhom. Dawn kienu Fleur Vella u Peter Cordina, it-tnejn mill-kamp Laburista u ‘debuttanti’ fl-arena politika.
Skont Facebook, l-inqas popolari jidhru li huma Helga Ellul u Kevin Cutajar mill-Partit Nazzjonalista, u Mario Farrugia Borg u Charlon Gouder għall-Partit Laburista.
Iċ-ċermen tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola ġie fl-20 post f’din il-‘klassifika’, bi ftit aktar minn 1,550 like filwaqt li d-deputat ċermen, Carmel Cacopardo, ġie l-aħħar bi 351 like.
Ovvjament, għalkemm dan is-sit soċjali jista’ jagħti xi indikazzjoni ta’ kemm qed ikun milqugħ il-messaġġ tal-kandidati, dan ma jistax jagħti stampa ċara tal-andament tal-kampanja.
Hemm diversi aspetti li jaffettwaw dan; fost l-oħrajn ċertu kandidati jippreferu jħallsu biex jirreklamaw il-paġna tagħhom, u dan jagħtihom ċertu vantaġġ. Fattur ieħor hu li wħud mill-kandidati ilhom xhur li fetħu l-paġna tagħhom, filwaqt li oħrajn għamlu dan fl-aħħar jiem jew ġimgħat.
Iżda li nnutajna żgur hu li dawk il-kandidati li jtellgħu materjal ġdid dwar l-andament tal-kampanja tagħhom kuljum, jispiċċaw jattiraw aktar segwaċi minn oħrajn.