Hu qal dan waqt l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku dwar ir-riforma fl-infurzar lokali li saret is-Sibt filgħodu.
Herrera spjega kif fl-aħħar tliet snin fir-reġjun tat-Tramuntana nħarġu b’kemm jiswew €2.8 miljuni ċitazzjonijiet li minnhom tħallsu €2 miljuni. Minn dawn, €1.7 miljuni marru għand il-privat bil-kumplament, ir-reġjun irid iħallas l-ispejjeż amministrattivi li għandu u għalhekk ma jibqa’ kważi xejn biex jitqassam lill-Kunsilli Lokali.
Hu ssokta jgħid li fir-reġjun taċ-ċentru nħarġu bi €8.5 miljuni li minnhom tħallsu €6.2 miljuni. Minn dawn €5.1 miljuni marru għand il-privat.
Is-Segretarju Parlamentari qal li meta wieħed iqis li ammont sostanzjali ta’ ċitazzjonijiet mhumiex qegħdin jitħallsu, il-bilanċ li qed jibqa’ f’idejn il-Kunsilli Lokali huwa wieħed baxx ħafna. “Għalhekk hemm bżonn ta’ riforma,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
Is-sistema tal-infurzar lokali ddaħħlet 14-il sena ilu u r-riforma li qed ikun proposta mistennija li tkun waħda pożittiva.
“Il-white paper tal-lum hija l-bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li ser jibqa’ għaddej sat-18 t’April. Proċess li permezz tiegħu qegħdin nagħtu ċ-ċans lil kulħadd jesprimi l-opinjoni tiegħu,” tenna Herrera.
Il-white paper qed tipproponi li jitwaqqaf unit ċentrali li jibda joffri s-servizz lill-kumitati reġjonali. Il-unit, tenna Herrera, se jiggarantixxi l-impjiegi tal-Gwardjani Lokali u se jaħdem biex isaħħaħ il-kundizzjonijiet tagħhom.
“L-istess unit se jkun qiegħed ifassal pjan biex tonqos l-ispiża u jtejjeb is-servizz mogħti mill-Gwardjani Lokali fl-istess ħin li jassigura li din ir-riforma ma tkunx waħda kosmetika imma fattibbli u li tħalli r-riżultati mixtieqa,” temm jgħid Herrera.