Minħabba l-fiduċja u l-ħiliet li għandhom il-GPs fil-qasam tal-kura fil-komunità, il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed iqishom bħala sieħeb prinċipali fit-tfassil tal-politika tiegħu għal qasam tas-saħħa. Il-GP għandu jkun l-aġent ewlieni tar-riformi li għandna bżonn nagħmlu fir-riforma fis-saħħa pubblika bil-għan li nibqgħu ntejbu l-kwalità tal-kura f’qafas sostenibbli. Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech waqt laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) fejn ġie diskuss l-iżvilupp tal-politika tal-Partit Nazzjonalista għal qasam tas-saħħa.
Claudio Grech elenka l-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar il-kura fil-komunità u dik primarja li tħabbru x-xahar li għadda, kif ukoll saħaq dwar l-urġenza li l-imsieħba kollha għandhom jagħtu lir-rakomandazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar is-sostenibbiltà tas-sistema tas-saħħa pubblika. Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-GPs, b’mod partikolari t-tobba tal-familja, għandhom irwol prinċipali fl-iżvilupp tas-settur tas-saħħa f’pajjiżna u għandhom jitqiesu bħala element kumplimentari għall-kura primarja tal-istat, il-kura sekondarja fl-isptarijiet kif ukoll is-settur tas-saħħa privat. “Pajjiżna għandu x-xorti li għandu element daqshekk prezzjuż permezz tal-qafas b’saħħtu ta’ GPs li jipprattikaw fil-komunità. Irridu naraw kif nibnu fuq dan biex nagħmlu l-qabża li jmiss fil-kwalità tas-servizz tas-saħħa tagħna”, qal Claudio Grech.
Fl-istess laqgħa, saret enfasi dwar l-importanza tal-konsultazzjoni effettiva fejn Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen li dan hu qasam li fih kull deċiżjoni materjali għandha tittieħed f’qafas ta’ konsultazzjoni proattiva u mhux sempliċiment informazzjoni nominali. Mal-organizzazzjonijiet trejdjunjonistiċi, konsultazzjoni vera u effettiva twassal biex jiġi evitat tilwim bla bżonn u azzjonijiet industrijali li f’dan il-qasam jaffetwaw l-aktar lill-pazjent.