Żona Ewro - Malta t-tieni fit-tkabbir ekonomiku

“L-istrateġija ekonomika tal-Gvern tkompli tagħti l-frott” – Chris Cardona

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib serju fuq is-sostenibbiltà ta’ dan it-tkabbir
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib serju fuq is-sostenibbiltà ta’ dan it-tkabbir

Statistika li nħarġet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għat-tieni kwart tal-2014 jindikaw li matul dan il-perjodu Malta rreġistrat it-tieni l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku minn fost it-tmintax-il pajjiż li jiffurmaw iż-żona Ewro. Fil-fatt, l-ekonomija Maltija kibret b’2.9% matul it-tieni kwart ta’ din is-sena. Din ir-rata ta’ tkabbir hija ikbar minn dik prevista mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ċentrali, tkabbir li jfisser li dan huwa t-tieni l-ikbar fost il-pajjiżi kollha taż-żona Ewro għal dan il-perjodu.

Din il-gazzetta tkellmet mal-Ministru Chris Cardona fejn spjega li l-istatistika tikkonferma kemm l-istrateġija ekonomika ta’ dan il-gvern kompliet tħalli l-frott tagħha. 

“Ir-riżultati miksuba s’issa jiġġustifikaw id-determinazzjoni tal-Gvern li jkompli jaħdem, jinvesti u jagħti l-appoġġ tiegħu lil numru ta’ setturi ekonomiċi u strateġiċi li qed iwasslu għal tkabbir ekonomiku stabbli. B’sodisfazzjon ngħid li l-Malta Enterprise fl-ewwel sitt xhur tas-sena kompliet tibni fuq is-sena rekord li kienet irreġistrat fl-2013 fejn s’issa n-numru ta’ proġetti b’investiment dirett barrani approvati diġà jlaħħqu s-17 u mistennija jiġġeneraw 624 impjieg ieħor” qal Cardona.

Il-Ministru rrimarka li t-tkabbir ekonomiku taħt din l-amministrazzjoni kien wieħed konsistenti u qed iwassal għal aktar opportunitajiet ta’ mpjiegi u dħul akbar għal ħaddiema. “Kemm ilha li bdiet l-amministrazzjoni l-ġdida, ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku kienet ta’ medja ta’ 3.3% kull kwart. Din hija tliet darbiet aktar mit-tkabbir irreġistrat fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti” temm jgħid il-Ministru.

Intant il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u l-kelliem dwar il-finanzi Tonio Fenech qalu li l-Partit Nazzjonalista jinnota l-istatistika maħruġa mill-NSO dwar it-tkabbir ekonomiku u jesprimi tħassib serju fuq is-sostenibbiltà ta’ dan it-tkabbir, billi huwa l-frott, primarjament, tan-nefqa tal-Gvern, u mhux ta’ investiment produttiv mis-settur privat.

Qalu li filwaqt li numru ta’ setturi ekonomiċi ċkienu matul l-aħħar kwart, is-settur pubbliku kkontribwixxa aktar minn terz (35%) tat-tkabbir irrappurtat fit-tieni kwart tas-sena, żieda sostanzjali ta’ 10% fuq l-ewwel kwart ta’ din is-sena.

“Din hija evidenza ta’ sforz b’saħħtu min-naħa tal-Gvern, li jgħatti l-problemi ekonomiċi li hemm f’pajjiżna - problemi li l-Partit Nazzjonalista, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija, kif ukoll diversi sidien ta’ negozji, ilhom jiġbdu l-attenzjoni dwarhom għall-aħħar xhur” qalu l-kelliema. 

Żiedu li “Dan l-isforz huwa kkonfermat minn aspett ieħor tal-istatistika maħruġa - dak dwar il-pagi. Hawnhekk, iċ-ċifri tal-NSO juru li meta wieħed jikkunsidra ż-żidiet fil-pagi fl-ekonomija Maltija, nofs dawn iż-żidiet saru fl-impjiegi mal-Gvern – b’impatt dejjem akbar fuq dak li jħallas it-taxxa u l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna.”

Temmew jgħidu li filwaqt li l-Gvern diġà ħareġ jiftaħar b’dawn ir-riżultati, analiżi ekonomika bir-reqqa tikxef tħassib kbir, xhieda li l-Gvern qiegħed ifittex biss soluzzjonijiet fuq medda qasira għal problemi li hemm fis-setturi l-oħra. “Dan jgħodd b’mod partikolari għall-manifattura, li reġgħet għal darb’oħra esperjenzat tnaqqis, b’konferma tal-indikaturi differenti maħruġa fl-aħħar jiem u li l-Gvern prova jaħbi taħt it-tapit”.

De Marco u Fenech finalment appellaw lill-Gvern biex b’rispett lejn il-ħaddiema u l-familji, li llum għandhom dubji leġittimi dwar il-futur u l-għixien tagħhom, biex jieqaf jittratta l-ekonomija bħala xi logħba taċ-ċifri, li jista’ jilgħab kif jaqbillu, u llum qabel għada, ifittex kif se jdawwar ir-rotta li qed twassal biex pajjiżna jmur lura f’dak li huwa investiment mis-settur privat, li jiggarantixxi l-ħolqien tal-ġid u xogħol ta’ kwalità f’pajjiżna.

More in Politika