“Nappella biex naqbdu l-barri minn qrunu u ngħaġġlu fil-ġlieda kontra l-burokrazija li tnaffar l-investitur. Biex tinvesti f’Malta tant trid permessi li l-investituri jaqtgħu qalbhom” dan qalu ċ-ċermen tal-MCESD, John Bencini f’kumment ma’ din il-gazzetta.
“L-imsieħba soċjali huma inkwetati ferm fuq ir-rapport li ħareġ mill-kamra tal-kummerċ fejn Malta tinsab wara l-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa fejn jidħlu punti għall-investiment” żied jgħid Bencini.
“Fejn jidħol l-investiment barrani f’Malta, irridu nifhmu li negozjanti kbar Ewropej meta jiġu biex jinvestu, jagħmlu r-riċerki tagħhom qabel ma jinvestu flushom” qal il-kelliem. Żied jgħid li d-dokument maħruġ mill-kamra tal-kummerċ imsejjaħ ‘Ease for doing Business’ ħoloq tħassib serju fost l-imsieħba soċjali hekk kif irriżulta li pajjiżna jinsab fil-103 pożizzjoni minn madwar id-dinja kollha u l-aħħar fl-Ewropa f’dak li jirrigwardja faċilità għall-investiment.
“Huma ħafna l-investituri li jħarsu lejn din il-klassifika meta jiġu biex jinvestu flushom u għalkemm investiment hawn, żgur li dan il-fattur qed inaffar investituri ’l bogħod minn Malta” saħaq Bencini.
“Ma nistgħux nistennew iżjed. Nafu li l-Gvern hu kommess li jiġġieled il-burokrazija tant li anke ħatar kummissarju biex jiġġildilha iżda rridu ngħaġġlu iżjed. Hemm liġijiet u regolamenti antiki li jridu jiġġeddu. Resqin bil-mod iżda għadna mhux biżżejjed.”
“L-imsieħba soċjali qed jistennew baġit pożittiv hekk kif il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-baġit se jkun ibbażat fuq opportunitajiet u mhux dipendenzi” qal iċ-Ċermen tal-MCESD John Bencini.
“L-imsieħba soċjali huma ferm kuntenti bil-progress li qed jagħmel il-pajjiż fejn il-baġit illum il-ġurnata hu wieħed trasparenti għax il-Gvern aċċetta l-maġġoranza tal-proposti li għaddejnielu” żied jgħid Bencini. Qal ukoll li min iħaddem u n-negozjanti Maltin qed jistennew bil-ħerqa x-xahar ta’ Marzu meta se jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-industrija Maltija.
Bencini tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ riżorsi umani disponibbli fejn jidħol xogħol tekniku. Qal li l-imsieħba soċjali huma wkoll inkwetati għal fatt li l-investituri qed jilmentaw li mhux qed isibu ħaddiema Maltin biżżejjed għal ċertu xogħlijiet fil-qasam tekniku. Saħaq li l-gvern irid iwassal dan il-messaġġ lill-istudenti Maltin. “L-aqwa impjiegi fil-qasam tekniku qed jeħduhom il-barranin għax huma kwalifikati aktar mill-Maltin fejn jidħol ċertu xogħol” temm jgħid Bencini.