99,000 fqir f’pajjiżna

“F’sena, dawk fil-faqar, f’riskju ta’ faqar u dawk esklużi mis-soċjetà żdiedu b’6,000 li huwa sinjal xejn sabiħ għas-soċjetà Maltija”. Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli.

“Il-faqar mhux talli ma naqasx, talli żdied b’mod sostanzjali” - Clyde Puli
“Il-faqar mhux talli ma naqasx, talli żdied b’mod sostanzjali” - Clyde Puli

Puli qal li sfortunatament, l-istatistika li ħarġet din il-ġimgħa mhix iżolata u tingħaqad ma’ dik tal-għafsa fuq il-pagi kif ukoll fit-tnaqqis mill-bejgħ mill-ħwienet u minn fuq l-internet.

“L-akbar inkwiet ġej mill-fatt li l-aħbar li 99,000 tal-poplu Malti u Għawdxi jinsab f’faqar, f’riskju ta’ faqar u esklużi mis-soċjetà huwa r-riżultat ta’ diversi punti oħra relatati” qal il-kelliem Nazzjonalista. Semma kif fost l-oħrajn, issa huwa fatt magħruf li l-pagi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin mhumiex jiżdiedu kif kienu jiżdiedu qabel.

“L-istatistika tikkonferma li filwaqt li sas-sena li għaddiet, il-pagi kienu jiżdiedu b’medja ta’ €500 fis-sena, fl-aħħar sena, l-pagi żdiedu b’€100” qal Puli. Żied li punt ieħor tat-tħassib huwa l-fatt li l-bejgħ kemm mill-ħwienet kif ukoll minn fuq l-internet qed jonqos, tant li f’Lulju li għadda, dan naqas bi 2.5%. Hu sostna li dawn l-aħbarijiet f’Malta qed joħorġu waqt li fl-Ewropa reġgħet bdiet tfeġġ klima ekonomika pożittiva.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni rrefera għall-wegħda li għamel il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni – dik li jelimina l-faqar f’pajjiżna. “Filwaqt li din hija wegħda tajba, huwa ta’ tħassib li fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista, l-faqar mhux talli ma naqasx, iżda talli żdied b’mod sostanzjali” sostna Puli.

Hu temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri l-koperazzjoni tiegħu biex dan is-settur ma jiġix ippolitiċizzat iżda biex issir ħidma bejn dawk kollha involuti fis-settur biex jiġi assigurat li l-faqar f’pajjiżna jibda t-triq tan-niżla u mhux jiżdied kif għamel fl-aħħar sena.

More in Politika