1,000 persuna ssib impjieg f’seba’ xhur
Ikompli jonqos il-qgħad
More in Politika
Ikompli jonqos il-qgħad
Matul ix-xahar ta’ Lulju li għadda kien hemm 6,834 persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, tnaqqis ta’ 445 persuna, jew 6% anqas, mit-total li kienu qed jirreġistraw meta ntemmet l-amministrazzjoni preċedenti f’Marzu 2013. Barra minn hekk mill-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena, pajjiżna ra tnaqqis ta’ kważi elf persuna jirreġistraw għax-xogħol.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li dawn ir-riżultati maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonfermaw li Malta għandha t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa u l-inqas rata ta’ qgħad reġistrata mindu bdiet tinġabar din l-istatistika.
Il-PL qal ukoll li l-istatistika turi li l-familji Għawdxin huma fost l-aktar li qegħdin jibbenifikaw mill-politika ekonomika ġdida tal-Gvern fejn filwaqt li matul l-aħħar 17-il xahar tal-amministrazzjoni preċedenti, in-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw kien tħalla jikber bi 8%, matul l-ewwel 17-il xahar tal-amministrazzjoni l-ġdida kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 4%.
Filwaqt li l-qgħad naqas fost kull kategorija ta’ età, l-akbar titjib kien fost iż-żgħażagħ, bi tnaqqis mill-bidu ta’ din il-leġislatura ta’ kważi 240 persuna qiegħda fost dawk taħt il-25 sena, jew 21% anqas ittemm l-istqarrija.
F’kumment ma’ din il-gazzetta, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qal li t-tnaqqis fl-ammont ta’ nies jirreġistraw huwa riżultat tal-politika ekonomika tal-gvern. “Kif imħabbar f’dawn l-aħħar jiem, pajjiżna kellu fost l-ogħla rati ta’ tkabbir ekonomiku meta mqabbel mal-pajjiżi Ewropej. Dan it-tkabbir għaldaqstant qed iwassal għal żieda fid-domanda għal aktar ħaddiema. Ta’ min ifakkar li matul l-aħħar sena, is-suq tax-xogħol f’Malta rreġistra fost l-akbar żidiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħolqien ta’ impjiegi full-time” temm jgħid il-Ministru.
Intant, mitlub ukoll jikkummenta mill-ILLUM, il-kelliem dwar ix-xogħol għal Partit Nazzjonalista, id-deputat Stephen Spiteri qal li ma jaqbilx mal-mod kif il-gvern qed iħares lejn l-istatistika.
“Hu ironiku li l-istess Gvern li f’sena daħħal 1,900 jaħdmu mal-Gvern qed jiftaħar li l-qgħad qed jonqos. In-nies li qed jaqraw dan l-artiklu jaslu għal konklużjoni waħedhom. Jekk il-qgħad naqas b’400 kif qed jgħid il-Gvern u dawk li jaħdmu mal-Gvern żdiedu b’1,900, ifisser li kieku l-Gvern ma daħħalx in-nies jaħdmu miegħu, kieku f’sena l-qgħad żdied b’1,500” saħaq Spiteri.
Hu insista li l-poplu Malti u Għawdxi jrid ambjent ekonomiku b’saħħtu u li joħloq il-postijiet tax-xogħol b’mod sostenibbli b’pagi tajbin u mhux sempliċiment impjieg mal-Gvern. “Ta’ min ifakkar li l-Gvern wiegħed lill-Kummissjoni Ewropea li l-impjegati mal-Gvern se jnaqqashom mhux iżidhom. Il-Partit Nazzjonalista jieħu gost u jesprimi sodisfazzjon għal kull post tax-xogħol sostenibbli u ta’ valur li jinħoloq, għax hekk jixraqlu l-poplu Malti u Għawdxi” qal Spiteri.
Żied jgħid li fl-istess ħin il-PN ma jistax ma jesprimix id-diżappunt tiegħu għall-mod kif dan il-Gvern qed jilgħab biċ-ċifri biex jipprova jagħti l-impressjoni li l-klima ekonomika ta’ pajjiżna qabdet mixja pożittiva.
“L-għafsa fuq il-pagi qed tinħass, u din il-ġimgħa kellna konferma wkoll tar-raba’ xahar fl-aħħar sitt xhur fejn naqas il-bejgħ mill-ħwienet u minn fuq l-internet. Fl-istess ħin huwa ċar li l-investiment barrani naqas, tant li l-poplu Malti u Għawdxi ilu ħafna ma jara xi fabbrika ġdida li tinfetaħ u li timpjega nies ġodda. Nappella lill-Gvern biex flok jaħli l-ħin jara kif se jdawwar iċ-ċifri, jikkonċentra fuq kif se joħloq ambjent ekonomiku li jħallu l-frott b’mod sostenibbli” temm jgħid Spiteri.