Il-President imħassba bl-immigrazzjoni

Coleiro Preca turi t-tħassib tagħha dwar ir-rispons tal-pajjiżi Ewropej fuq din it-traġedja umana

Cecilia Malstrom flimkien mal-President Marie Louise Coleiro Preca
Cecilia Malstrom flimkien mal-President Marie Louise Coleiro Preca

F’laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Intern, Cecilia Malmström, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca wriet it-tħassib serju tagħha fuq is-sitwazzjoni ġenerali fil-qasam tal-immigrazzjoni u r-rispons tal-pajjiżi Ewropej għal din it-traġedja umana. 

Il-President ta’ Malta spjegat kif il-kunflitti vjolenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huma fost il-kawżiet ewlenin għall-immigrazzjoni u saħansitra t-traffikar tal-bniedem. Il-President appellat lill-Unjoni Ewropea biex tieħu pożizzjoni aktar b’saħħitha biex tindirizza l-kunflitti li qed jinħolqu partikolarment fil-Mediterran u l-kontinent Afrikan.

Il-President Marie Louise Coleiro Preca spjegat li Malta hi każ speċjali minħabba d-daqs tagħha iżda dan ma jfissirx li pajjiżna għandu jabdika mir-responsabbiltà li jsalva l-ħajjiet. Fid-dawl ta’ dan, qalet li hemm bżonn t’aktar attenzjoni u ħarsien għat-tfal mifruda mill-ġenituri tagħhom.

L-istess Kummissarju Ewropew iltaqgħet ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr George Vella li ħareġ aspett ieħor tal-immigrazzjoni irregolari li qed jinkwetah. Il-Ministru Vella qal, “L-isfida tal-immigrazzjoni m’għadhiex biss dik tal-ammonti kbar li jaslu f’pajjiżna, lanqas l-aspett umanitarju biss, iżda issa saret ukoll problema ta’ sigurtà. Dan kollu fit-theddida serja li teżisti mill-estremisti tal-ISIS.”

Il-Ministru Vella qal li Malta huwa pajjiż ċkejken li ma jiflaħx għall-ammonti kbar ta’ immigranti li deħlin permezz tal-baħar u spjega kif pajjiżna ma jistax ikompli jerfa’ dan il-piż. Qal ukoll li l-Gvern Malti irid li bl-appoġġ kif mistenni mill-Unjoni Ewropea, dawn l-immigranti jingħataw id-dinjità tagħhom u jsibu modi kif itejbu s-sitwazzjoni tal-għixien tagħhom, possibbilment fl-Ewropa li ħolmu li jagħmlu futur fiha.

Waqt il-laqgħa ssemma wkoll il-programm Mare Nostrum li rnexxielu jilħaq l-għanijiet tiegħu iżda Vella qal li dan il-programm kien qed jiswa lill-qawwa navali Taljana għaxar miljun ewro fix-xahar, liema somma hija diffiċli ħafna li l-Italja tkompli terfa’ waħidha.

Waqt il-laqgħa l-Kummissarju Ewropew Malmström wegħdet lill-Ministru Vella u lill-President ta’ Malta li l-Unjoni Ewropea se tkompli tassisti lil Malta f’din l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari, kemm anki mil-lat finanzjarju kif ukoll possibbilment b’tibdil fir-regolamenti.

More in Politika