Il-wegħdiet tal-politiċi tul l-aħħar 22 sena
Is-saga tal-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali
minn John Pisani
Li l-politiċi jwiegħdu u kultant ma jsir xejn mhix xi aħbar. Anzi tkun aħbar meta jitwettaq dak li jkun imwiegħed. Imma meta post li ta’ kull sena jmorru jżuruh eluf ta’ turisti kif ukoll Maltin u jitħalla f’telqa minkejja li ilu snin jiġi mwiegħed li se jittranġa, mhix aċċettabbli u dan aktar u aktar meta fil-post l-arti, l-artiġġjanat u l-professjonalità huma fl-aqwa tagħhom.
Il-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali huwa wieħed mill-attrazzjonijiet imfittxija f’Malta. It-telqa li hemm tibda tidher minn qabel wieħed jasal fil-qalba tal-villaġġ. Diversi sidien li tkellmu ma’ ILLUM esprimew id-diżappunt tagħhom li minkejja l-proġetti li ssemmew tul dawn l-aħħar 22 sena, kollox baqa’ kif kien.
“Hija ħasra li s-sbuħija li joffru dawn in-nies bix-xogħol tal-idejn, jittappan bl-ambjent li hemm madwarhom,” qalilna turist li kien qed iżur il-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali.
Il-lista ta’ wegħdiet li saru minn diversi ministri u segretarji parlamentari tmur lura aktar minn 22 sena u sal-lum kollox għadu kif kien.
Fl-1992 l-eks Ministru tal-Finanzi George Bonello du Puis kien ħabbar pjani biex iż-żona tal-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali tkun riabilitata. F’Mejju tal-1994 il-MEPA approvat dawn il-pjani.
Aktar minn erba’ snin wara, f’Ġunju 1998, il-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp bagħtet ittri lis-sidien tal-ħwienet fil-villaġġ biex jissottomettu l-intenzjoni tagħhom.
F’Lulju 2000, il-Gvern kien approva l-pjani u li l-proġett kien se jibda permezz ta’ ‘public private partnership’. Sitt xhur wara, f’Jannar 2001 l-eks Ministru Tonio Borg ħabbar li l-konsultazzjoni pubblika dwar il-Villaġġ tas-Snajja se tkun lesta sa Marzu. Dr Borg qal li fi żmien sitt ġimgħat il-Kabinett se jkun qed japprova dan il-proġett biex tinħareġ sejħa għall-offerti sabiex ix-xogħol jibda.
Fl-2002 l-eks Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ħa r-responsabbiltà tal-proġett f’Ta’ Qali u kien wiegħed li x-xogħol ta’ tisbiħ kien se jibda malajr.
Fid-diskors tal-baġit f’Novembru 2003, l-eks-Ministru tal-Finanzi John Dalli wiegħed li l-bini mill-ġdid fil-Vilaġġ tas-Snajja kien se jibda.
Fl-istess xahar dak li kien ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech li kien responsabbli mhux biss mill-parks nazzjonali u reġjonali iżda wkoll minn proġetti kapitali, kien qal lill-ġurnalisti li stieden biex iduru l-villaġġ li l-ministeru tiegħu kien responsabbli mill-ippjanar tal-Villaġġ tas-Snajja l-ġdid.
Zammit Dimech kien qal li fl-istess waqt, l-istess sezzjoni ġiet inkarigata mid-disinn il-ġdid taċ-ċentru tal-artiġġjanat bħala villaġġ Malti b’karattru uniku li għandu jattira lejh aktar viżitaturi sew barranin kif ukoll Maltin.
Hu kien qal li l-ħwienet f’dan il-villaġġ huma wkoll industriji żgħar u għalhekk dan il-villaġġ hu maħsub li jkollu karattru uniku.
Francis Zammit Dimech kien ħabbar li l-periti tal-proġett kienu Shirley Buttigieg u George Buhagiar. Qal li fid-disinni tagħhom dawn ħasbu biex joħolqu l-karattru ta’ villaġġ jew belt żgħira Maltija, biex jirrappreżenta l-artiġġjanat Malti b’ċertu dinjità.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech kien awgura li dan il-proġett jitwettaq fi żmien qasir biex ikompli jagħti lill-artiġġjanat Malti nifs ġdid biex jikber u biex dawn l-inħawi jkomplu jiġu immodernizzati għat-tgawdija tal-poplu Malti u tal-eluf ta’ turisti li jżuru l-villaġġ tas-snajja.
F’Awwissu 2004 Edwin Vassallo għal darb’oħra wiegħed li l-proċess ta’ konsultazzjoni tal-proġett f’Ta’ Qali ma’ 80 familja u mad-Dipartiment tal-Artijiet kien tlesta u fi żmien qasir kienu se jissejħu biex jiffirmaw id-dokumenti meħtieġa.
F’Jannar 2006 Edwin Vassallo ħabbar li l-Gvern kien se joħroġ il-pjani għat-tisbiħ tal-villaġġ f’Ta’ Qali. Disa’ xhur wara, f’Settembru 2006 kien imiss lil Lawrence Gonzi, dak iż-żmien Prim Ministru, li ħabbar li l-proġett dalwaqt kien se jibda. Imma fi Frar tal-2007 mhux talli ma kien għadu sar xejn, iżda l-eks Ministru Jesmond Mugliett li kien responsabbli mill-iżvilupp urban, ħareġ jgħid li l-proġett se jiġi mniedi dalwaqt. Fil-fatt f’Lulju ta’ dik is-sena l-Gvern nieda l-proġett il-ġdid f’Ta’ Qali.
Fi Frar 2008 l-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali tiegħu għall-Elezzjoni Ġenerali wiegħed li “kollox huwa lest biex jibda l-proġett fuq il-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali. Dan se jieħu erba’ snin biex jitlesta u se jiġi jiswa €28,000,000”.
Fl-istess xahar ħarġet is-sejħa għall-offerti fejn kien hemm tmien sottomissjonijiet.
F’Ottubru 2008 kien imiss lill-Ministru tal-Infrastruttura Austin Gatt li fil-Parlament ħabbar li l-proġett f’Ta’ Qali Crafts Village qed ikun rivedut wara li applikazzjoni għall-finanzjament ġiet miċħuda mill-UE.
Tliet xhur wara l-istess Austin Gatt ħabbar li l-pjan biex isir ix-xogħol fil-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali waqaf u li dan se jkun trasferit fl-inħawi ta’ Baċir numru 1 f’Bormla li kellu jinbidel f’Ċentru ta’ Arti u Snajja.
F’Mejju 2009, il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech ikkontradixxa lill-kollega tiegħu Austin Gatt u qal li l-proposta ta’ Ċentru Artisan f’Baċir numru 1 se jkun proġett separat u ħadd ma kien se jkunu sfurzat li jitlaq minn Ta’ Qali u jieħu n-negozju tiegħu f’Bormla.
F’Lulju 2009 il-Gvern ħabbar pjan ewlieni ġdid li kien qed ikun imfassal għall-istess post f’Ta’ Qali wara l-aħħar wieħed kien skrappjat fl-2008 wara li naqas li jikkwalifikaw għal finanzjament mill-UE.
F’Ġunju 2012 l-istess Tonio Fenech bħala Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment kien qal waqt iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn il-Malta Industrial Parks u l-GRTU li dan il-ftehim huwa pass importanti li jagħti aktar serħan tal-moħħ lill-artiġġjani li joperaw f’dan il-villaġġ, li se jkunu jistgħu jinvestu fil-proprjetà tagħhom bl-għarfien li dan se jibqa’ għandhom għal 65 sena u li ż-żona se tingħatalha dehra li tixirqilha. Il-ftehim jelenka r-responsabbiltajiet u l-impenji tal-Gvern u tas-sidien tal-ħwienet tax-xogħol f’dan il-villaġġ bl-għan li jkun jista’ jipproċedi l-proċess ta’ tisbiħ ta’ din iż-żona li tilqa’ fiha negozji tal-artiġġjanat Malti u tkun stabbilità fuq bażi soda l-pożizzjoni kuntrattwali ta’ kull artiġġjan li jaħdem mill-Crafts Village.
Waħda mill-aħħar wegħdiet saret fit-18 ta’ Novembru 2013 mill-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona. Huwa qal li kif kellu l-okkażjoni jħabbar fil-Parlament, is-sena d-dieħla (din is-sena) se jkun qed jibda x-xogħol fuq it-Ta’ Qali Arts and Crafts Village wara li nħarġu l-permessi neċessarji mill-MEPA, biex b’hekk il-gvern ikun ukoll qiegħed iwettaq dan il-proġett tant meħtieġ wara snin twal ta’ wegħdi mill-amministrazzjonijiet preċedenti.
Nistennew u naraw.