Kjarifika mill-Ministeru għall-Intern dwar il-fire engines

Wara r-rapport li deher fil-ħarġa tal-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li għadda rigward it-tliet fire engines li nġiebu mill-Ingilterra, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali bagħat din il-kjarifika li qed nippubblikaw.

t-tliet fire engines li nġiebu mill-Ingilterra huma f’kundizzjoni tajba u jistgħu jintużaw kif fil-fatt beda jsir. Waħda diġà qed tintuża. L-aħħar li ntużat kien waqt il-IUSY Festival. It-tnejn l-oħra jeħtiġilhom ukoll jiġu attrezzati aħjar b’apparat meħtieġ (oltre dak li huma attrezzati bih) liema apparat qed jittieħed minn vetturi oħra li m’għadhomx jintużaw imma li l-apparat tagħhom hu f’kundizzjoni tajba skont standards uffiċjali. B’hekk dawn il-vetturi jkunu iktar attrezzati għall-ħtiġijiet lokali. Dan ix-xogħol huwa mistenni jitlesta fi ftit taż-żmien ieħor. 

Il-vetturi u inġenji tad-DPC jgħaddu mill-VRT test bħal kull vettura oħra. Il-vetturi tad-DPC huma kollha ċertifikati skont proċeduri uffiċjali.

Il-Gvern preżenti wiret DPC mitluq għal kollox bi flotta ta’ inġenji li ma kinux f’kundizzjoni li jagħtu s-servizz mistenni minn Dipartiment speċjalizzat bħal mhu d-DPC bil-maġġorparti tal-inġenji kienu ilhom ma jinbidlu għal 25 sena sħaħ. Kien għalhekk li Gvern ġdid imbarka fuq programm ta’ tiġdid sabiex jattrezza aħjar lil dan id-dipartiment bi rwol daqstant importanti għas-soċjetà Maltija. Fl-ewwel każ il-Gvern ta l-appoġġ meħtieġ sabiex vetturi mitluqa jinġiebu fi stat aħjar ta’ użu. Aktar minn hekk il-Gvern preżenti beda programm ta’ tiġdid u daħal għar-responsabbiltà li fost affarijiet oħra jinxtraw ħdax-il vettura ġodda għad-DPC (erbgħa din is-sena u sebgħa oħra s-sena d-dieħla. Iktar tard hemm programm sabiex fis-snin li ġejjin tinbidel il-flotta kollha preżenti. B’dan il-pass id-DPC ikun f’pożizzjoni aħjar biex jaqdi s-servizzi tiegħu lejn is-soċjetà Maltija.

Ta’ min jinnota li fil-preżent il-Ministeru responsabbli qiegħed jevalwa l-kundizzjoni tal-vetturi kollha li wiret mill-Gvern ta’ qabel bil-ħsieb li jkun f’pożizzjoni jippjana Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li verament ikun fi stat li jaqdi d-dmirijiet tiegħu lejn is-soċjetà b’mod aktar effiċjenti.

More in Politika