“Huwa pjaċir u unur għalija li qiegħed hawn illum biex nagħtu ġieħ lill-memorja tal-President Guido de Marco, wieħed mill-akbar statisti ta’ pajjiżna” dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-bidu taċ-ċerimonja fejn matulha nkixef il-monument f’ġieħ il-President Emeritu Guido De Marco.
Muscat kompla jgħid “Kien fl-isfond ta’ teżi li kont qed nagħmel li ltqajt mal-Professur de Marco fil-bini tal-Parlament. It-tema li xtaqt inkellmu dwarha kienet pjuttost dejqa. Ridt nistaqsi kif wieħed jista’ jiddefinixxi lil pajjiżna, u ridt nara x’jaħseb dwar definizzjonijiet bħal small state, city state, micro state. Tbaqbaq mhux ħażin fuq kull waħda minn dawn id-definizzjonijiet u argumenta li kulħadd jaf id-daqs ta’ pajjiżna u minħabba f’hekk wieħed m’għandux juża kategoriji u definizzjonijiet li jistgħu jċekknu r-rilevanza tagħna f’għajnejn ħaddieħor.”
Intant l-eks President ta’ Malta Guido de Marco ta’ kuljum se jibqa’ jsellem lill-poplu Malti ħdejn id-daħla tal-Qorti fil-Belt Valletta. L-istatwa li hi magħmula mill-bronż saret mill-artisti Alfred u Aaron Camilleri Cauchi u turi lil Guido de Marco b’id waħda qisu biex jieħu b’idejn lin-nies u f’id l-oħra qed iżomm kopja tal-bijografija tiegħu li għandha t-titlu ‘Il-politika tal-persważjoni.’
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm uliedu Mario, Giannella u Fiorella, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Presidenti Emeriti George Abela, Eddie Fenech Adami u Ugo Mifsud Bonnici, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, Membri Parlamentari, dinjitarji u persuni distinti oħra.
Guido de Marco serva lil Malta bħala President, Deputat Prim Ministru u Ministru f’bosta karigi speċjalment fl-Affarijiet Barranin fejn kien strumentali biex Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.