Il-Prim Ministru Libjan jinsab akkumpanjat mill-viċi Prim Ministru Abdel Salam al-Badri, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Mohammed Al Dayri, il-Ministru tal-Ekonomija Manbar Asr, il-Ministru tal-Edukazzjoni Fathi al Magabri u l-Ministru tal-Informazzjoni Omar Alqoira. Ma’ dawn hemm diversi uffiċjali għolja oħra.
Id-dettalji ta’ din iż-żjara ngħataw dalgħodu waqt laqgħa għall-mezzi tax-xandir li ġiet indirizzata miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri flimkien mal-kap tal-komunikazzjoni Kurt Farrugia li minn naħa tagħhom qalu wkoll li l-Gvern Libjan ikkonferma din iż-żjara mal-Gvern Malti tul il-ġurnata tal-Ħadd.
Hu mifhum li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel kuntatt telefoniku mal-Kap tal-Oppożizzjoni fejn infurmah bl-iżviluppi li kienu qed iseħħu.
Għalkemm mhuwiex magħruf x’inhu l-għan prinċipali ta’ din iż-żjara, il-Gvern Libjan irid li Malta tkun “il-vuċi” tiegħu fi ħdan l-Unjoni Ewropea hekk kif il-Gvern ta’ Al Thinni qed jagħmel minn kollox sabiex jerġa’ jistabilixxi l-awtorità tiegħu fil-pajjiż.
L-avvenimenti li seħħew fl-aħħar xhur fil-Libja, partikolarment fil-kapitali Tripli, kienu wasslu sabiex il-Gvern Libjan jeżilja ruħu fil-belt ta’ Tobruk wara biża’ u theddid fuq ħajjithom.
Intant waqt li kien qed jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru li għadda, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat kien saħaq fuq il-ħtieġa li l-Libja tingħata l-attenzjoni u l-għajnuna kollha meħtieġa li għandha twassal għal stabilità fil-pajjiż.
Jidher li ż-żjara ta’ Al Thinni f’Malta qajmet interess qawwi tant li l-Unjoni Ewropea se tkun qed issegwi mill-qrib dak li se jkun qed iseħħ f’pajjiżna fis-siegħat li ġejjin relatat maż-żjara tal-Gvern Libjan.