“In-numru ta’ sottomissjonijiet għall-iżvilupp tal-White Rocks ikompli jimla lil dan il-Gvern bil-kuraġġ biex ikompli jaħdem ħalli jpoġġi lil dan il-pajjiż fuq quddiem fl-Ewropa, kif diġà, bħala pajjiż, qed jirnexxilna nagħmlu f’diversi oqsma, fosthom fl-ekonomija u fl-impjiegi.” Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona f’kumment fejn esprima s-sodisfazzjon tiegħu għan-numru ta’ proposti wara s-sejħa Internazzjonali li ħareġ il-Gvern.
Cardona kompla jgħid “Qed inħarsu ’l quddiem biex, b’determinazzjoni u impenn, naraw li dan il-proġett fl-aħħar jitwettaq. Dan ħalli ssir ġustizzja ma’ din iż-żona u mal-poplu li ilu s-snin jara din it-telqa u, fuq kollox, jara sit b’potenzjal kbir f’pajjiżu ma jkunx utilizzat.”
Il-Gvern kien nieda s-sejħa internazzjonali għal konċessjoni għad-disinn, bini u operat tal-White Rocks Malta fl-20 ta’ Ġunju 2014. B’kollox, minn dakinhar, fil-Privatisation Unit daħlu 139 talba għal aktar informazzjoni, li minnhom, sakemm skada ż-żmien għall-ġbir tad-dokument tal-EOI, kien hemm 17 li ġabru d-dokument.
Il-pass li jmiss hu li jinħatar kumitat bil-għan li jevalwa l-proposti u jipprepara rapport ta’ rakkomandazzjoni lill-Gvern ta’ kif għandu jkun utilizzat bl-aħjar mod is-sit abbażi tas-sottomossijonijiet li saru.