“Il-Partit Nazzjonalista hu interessat kif qed jaħsbuha ż-żgħażagħ fl-oqsma l-aktar importanti f’dan il-pajjiż speċjalment f’dawk l-oqsma li jolqtu direttament lilhom. Fuq kollox il-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-partit taż-żgħażagħ u li jemmen fl-aspirazzjonijiet tagħhom. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista se tkompli tirrifletti l-ambizzjonijiet taż-żgħażagħ kollha.”
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa li kellu din il-ġimgħa ma’ grupp ta’ żgħażagħ immexxi mill-President Isabelle Camilleri li fil-jiem li għaddew ipparteċipaw fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Matul il-laqgħa ż-żgħażagħ ippreżentaw il-proposti u r-riżoluzzjonijiet tagħhom f’erba’ oqsma li huma l-edukazzjoni, it-turiżmu, it-trasport u r-riforma fid-droga.
Meta tkellem dwar l-edukazzjoni, Busuttil qal li l-idea ta’ banding, u li allura teskludi persuni b’diżabilità, tinkwetah tassew u pajjiżna ma jistax jeskludi jekk tassew nemmnu fl-inklussività.
Dwar it-turiżmu Busuttil saħaq dwar l-importanza ta’ dan is-settur għaliex hu parti integrali mill-ekonomija ta’ pajjiżna. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista poġġa s-sitwazzjoni fl-Air Malta fuq l-aġenda u rrefera għal mod kif qed jimxu l-affarijiet f’din il-linja tal-ajru taħt Gvern Laburista fejn fl-aħħar sena u nofs kellhom jinbidlu tliet ċermen ta’ din il-kumpanija.
B’referenza għat-trasport, il-Kap Nazzjonalista qal li dan il-qasam qiegħed jitkellem dwaru kulħadd għaliex it-traffiku mhijiex perċezzjoni iżda realtà. “Taħt dan il-Gvern is-sitwazzjoni tat-traffiku marret għall-agħar u dan kollu jirrifletti ħażin fuq il-kompetenza ta’ dan il-Gvern.”
Tkellem ukoll dwar is-suġġett tar-riforma tad-droga u fakkar kif il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista diġà ħareġ b’pożizzjoni iżda l-Gvern għadu ma ħareġ b’ebda abbozz ta’ liġi għall-Parlament.
Fi tmien il-laqgħa l-Kap Nazzjonalista rringrazzja liż-żgħażagħ preżenti fid-Dar Ċentrali u ħeġġiġhom sabiex ikomplu jagħtu s-sehem tagħhom fit-tfassil tal-politika ta’ pajjiżna.