In-nisa fil-politika juru kwalità f'kultura demokratika - Anġlu Farrugia

L-Ispeaker Anġlu Farrugia jiftaħ konferenza fuq il-Parteċipazzjoni tan-Nisa fil-politika Maltija

Anġlu Farrugia jindirizza l-konferenza għall-Parteċipazzjoni tan-Nisa fil-Politika
Anġlu Farrugia jindirizza l-konferenza għall-Parteċipazzjoni tan-Nisa fil-Politika

Dalgħodu fil-ftuħ ta' konferenza għall-Parteċipazzjoni tan-Nisa fil-Politika, Dr. Anġlu Farrugia qal li l-preżenza tan-nisa fil-politika Maltija tindika kwalità fil-kultura demokratika tagħna. Qal li meta l-Parlament ikollu membri li jirrispondu għall-ħtieġa u jirrapreżentaw ġenwinament il-poplu, iwassal għall-governanza għaqlija.

 Il-Kamra tar-Rapreżentattivi organizzat din il-Konferenza flimkien mal-Uffiċċju OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), il-Kummissarju Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwalità u l-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa.

Farrugia għamel referenza għall-erba' membri nisa fil-Parlament Ewropew li jservu ta' katalist reali fiż-żieda tal-parteċipazzjoni tan-nisa.

Tajjeb ngħidu li s'issa fil-Parlament Malti hemm disa' membri nisa.

Erbgħa mill-Partit Laburista - Justyne Caruana, Helena Dalli, Marlene Farrugia u Deborah Schembri.

u ħamsa mill-Partit Nazzjonalista - Claudette Buttigieg, Giovanna Debono, Kristy Debono, Paula Mifsud Bonnici u Marthese Portelli.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali u Libertajiet Ċivili se tkun qed tagħlaq din il-konferenza.

Iktar tard

"Ir-rwol u l-interessi tan-nisa fis-soċjetà jistgħu jittejbu u jimxu 'l quddiem jekk nifhmu b'mod ħolistiku u aħjar is-soċjetà. Nisa Laburisti temmen li r-rwol u l-interessi tan-nisa fis-soċjetà jistgħu jittejbu u jimxu 'il quddiem jekk nifhmu b'mod ħolistiku u aħjar is-soċjetà, fejn in-nisa u l-irġiel jaħdmu flimkien bħala sħab ugwali aktar milli avversarji u fejn ir-rispett reċiproku jipprevali" dan qalitu Claudette Abela Baldacchino President ta' NL - Nisa Laburisti fil-Konferenza Internazzjonali.

Abela Baldacchino sostniet li pajjiżna għandu jkun proattiv u janalizza x'qed iwassal biex is-suċċess miksub minn nisa fil-parteċipazzjoni tal-ħajja pubblika fuq livell Ewropew mhux rifless fuq livell nazzjonali.

Sostniet li kunsiderazzjoni serja li għandha tittieħed f'dan l-istħarriġ hemm il-mod li bih jaħdem il-Parlament Malti nnifsu, fosthom il-ħinijiet tax-xogħol.

''Irrispettivament jekk intix mara jew raġel, kulħadd għandu familja. Jekk m'għandekx it-tfal, għandek il-ġenituri anzjani. Dawn xi ħadd irid jieħu ħsiebhom tkun xi tkun il-forma ta' familja tiegħek" sostniet Claudette Abela Baldacchino. "Huwa f'dan il-kuntest li rridu nistħarrġu u nifhmu b'mod ħolistiku s-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha u ngħarblu sew fost l-oħrajn il-metodu li bih jaħdem il-Parlament Malti" qalet il-President ta' NL - Nisa Laburisti.

Tkellmet ukoll dwar is-sistema elettorali, kif ukoll dwar kif mhux ġust li ngħidu li n-nisa ma jipparteċipawx fil-politika. ''Jekk tħares internament lejn il-Partiti politiċi ssib li n-nisa għandhom irwol attiv, daqskemm għandhom irwol attiv fil-kontribuzzjoni lejn għaqdiet mhux governattivi u soċjetajiet ċivili oħra'' qalet Claudette Abela Baldacchino.

Huwa għalhekk, temmet tgħid Abela Baldacchino, li NL - Nisa Laburisti hija kommessa li tkompli taħdem biex f'kull livell tas-soċjetà tagħna, it-tmexxija tkun tirrifletti s-soċjetà biex verament ikollna soċjetà ġusta li tagħraf il-potenzjal ta' kull persuna irrispettivament mill-ġeneru tagħha.

More in Politika