Illum intefgħu żewġ nomini oħra għall-elezzjoni każwali biex jimtela l-post battal wara r-riżenja ta’ Karmenu Vella.
Robert Henry Bugeja tefa’ n-nomina tiegħu dalgħodu. Bugeja kien ġab 328 vot fl-ewwel għadd tal-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Bugeja studja fl-iskola tal-Arti u d-Disinn fil-Belt Valletta u għandu diploma fix-Xjenza Ambjentali. Bugeja li għandu 42 sena kiber f’Birżebbuġa u ta’ 19-il sena kien jaħdem fuq cruiseliner mal-Mediterran u l-Ewropa.
Bugeja u s-sieħba tiegħu għandhom tifla ta’ 7 snin, Maya.
Mario Calleja wkoll ressaq in-nomina tiegħu llum. Calleja kien ġab 669 vot fl-ewwel għadd fl-elezzjoni ġenerali tal-2013. Calleja kien elett sindku ta’ Marsascala fl-2006. Calleja, wara xi żmien jaħdem f’lukanda lokali, daħal fis-settur tal-assigurazzjoni. Wara esperjenzi fi tliet kumpaniji tal-assigurazzjoni differenti reġa’ daħal fis-settur tat-turiżmu u kien maħtur bħala Assistant Maniġer Ġenerali tal-Qawra Palace Hotel.
B’kollox issa hemm ħames kandidati li tefgħu n-nomina tagħhom, Edric Micallef, Joseph Farrugia l-Farell, Anthony Zammit, Robert Henry Bugeja u Mario Calleja.