Dan hu t-twettiq tal-politika inklussiva

“Dan kien kollu daħk fil-wiċċ minn gvern li mingħalih jista’ jbella’ r-ross bil-labra lil kulħadd”

Jekk f'soċjetà ma tkunx tista’ tgħix u taġixxi skont dak li verament tħoss li int, tkun qiegħed tittiekel minn ġewwa
Jekk f'soċjetà ma tkunx tista’ tgħix u taġixxi skont dak li verament tħoss li int, tkun qiegħed tittiekel minn ġewwa

Għal numru sostanzjali ta' snin id-drittijiet ċivili f'Malta kienu mitfugħa taħt it-tapit. Il-gvernijiet preċedenti kienu wisq konservattivi u mhux talli ma kinux jieħdu ħsieb jagħmlu liġijiet imma saħansitra lanqas kienu jpoġġu d-drittijiet ċivili fuq l-aġenda. Biex f'dan il-pajjiż bdiet diskussjoni fuq id-divorzju kellha tkun Private Member's Bill, għaliex għall-gvern Nazzjonalista li nħallu lil nies li tfarrkilhom iż-żwieġ fi stat ta' limbu kien aċċettabbli. Kienu jgħidulna li l-Maltin mhux lesti għal din il-liġi meta fil-verità kien il-gvern li ma kienx qiegħed iħoss il-polz tal-poplu. 

Meta kien jazzarda jagħmel xi ħaġa biex jidher sabiħ mal-komunità LGBT bħal, pereżempju, meta ta d-dritt li l-ġeneru li tħossha komda fih persuna transesswali għandu jiġi rifless fil-karta tal-identità kien illimita dan id-dritt tant li għalkemm kien hemm rikonoxximent, il-persuna konċernata ma setgħetx taġixxi legalment bħal kull persuna oħra f'dak il-ġeneru, pereżempju, persuna li ġiet rikonoxxuta bħala mara ma setgħetx tiżżewweġ raġel. Dan kien kollu daħk fil-wiċċ minn gvern li mingħalih jista’ jbella’ r-ross bil-labra lil kulħadd.

Il-Partit Laburista fil-gvern qiegħed jimxi mod ieħor. Imxejna l-quddiem qatiegħ fejn jidħlu drittijiet ċivili tant li meta nqabblu ruħna ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa ninduna li minn l-aħħar post fil-klassifika ta’ kemm-il pajjiż għandu ugwaljanza u jagħti drittijiet ċivili, issa ninsabu mal-ewwel pajjiżi fil-lista. Fadlilna ftit x’naqdfu però mexjin b'rata mgħaġġla grazzi għal ħidma sfiqa li qed inwettqu id f'id, ministeru, kumitati, membri parlamentari, il-kunsill konsultattiv u dawk kollha li b'xi mod qed jingħaqdu magħna u jtuna l-ideat tagħhom. 

Bħalissa qed invaraw abbozz ta' liġi dwar l-identità tal-ġeneru. Sa tkun liġi interessanti ħafna bl-aqwa elementi minn liġijiet simili barra minn Malta u elementi ġodda li nħass li kellhom isiru fl-interess ta' min sa jibbenefika minn din il-liġi. L-idea hi li kemm jista’ jkun nallevjaw it-tbatijiet li s-soċjetà poġġiet fuq nies transesswali meta għal tant snin ċaħdithom mill-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi. Kulħadd għandu dritt iħossu komdu f'ġismu. Il-ġeneru tal-persuna diffiċli jiġi definit, huwa dak li l-persuna tħoss li hi fl-essenza tagħha. Il-ġeneru m'għandux x'jaqsam ma’ liema organi ġenitali twelidt bihom għaldaqstant meta mat-twelid jiġi assenjat sess lill-persuna, jista’ jkun li dan ma jirriflettix b’mod veritier dak li l-persuna tħossha li hi. Tarbija ma tistax tgħidlek. Sfortunatament drajna b'sistema fejn is-sess u l-ġeneru tal-persuna kważi kważi kienu mwaħħdin flimkien tant li ma konniex naraw il-possibbiltà li min jitwieled b'organi femminili jista' fil-fatt iħoss li hu raġel u viċi versa. Għaldaqstant konna nifhmu r-realtà ta' min iħossu hekk maqbud f'ġisem barrani għalih. 

Il-verità hi li tikkumbattiha kemm tikkumbattiha xi ħaġa bħal din, jekk f'soċjetà ma tkunx tista’ tgħix u taġixxi skont dak li verament tħoss li int, tkun qiegħed tittiekel minn ġewwa. Għaldaqstant huwa dover sagrosant, ngħid jien, tal-gvern li jgħaddi din il-liġi li se tagħmilha possibbli li dak li jkun ikun rikonoxxut bħala bniedem li jappartjeni għall-ġeneru li jħossu verament komdu fih. U dan mingħajr kumplikazzjonijiet u impożizzjonijiet żejda ta' rapporti ta' psikjatri, operazzjonijiet ta’ bidla fis-sess jew snin twal il-Qorti tikkumbatti għad-drittijiet li fl-aħħar minn l-aħħar huma drittijiet fundamentali tiegħek. S' issa kien għadna pajjiż li għadu jitlob l-isterelizzazzjoni ta' persuna transgender qabel tiġi rikonoxxuta fil-ġeneru li tħoss li tappartjeni għalih. Din il-ħaġa hija inaċċettabbli fid-dinja tal-lum u kull meta tqum din id-diskussjoni f’fora internazzjonali dejjem iċanfruna fuqha, u bir-raġun.

Jiena bħalissa qiegħda nikteb rapport għall-Kunsill tal-Ewropa fuq drittijiet tal-persuni transgender u minbarra li bi preparazzjoni għal dan ir-rapport tkellimt ma’ persuni li qasmu miegħi s-sitwazzjoni tagħhom, ir-riċerka li għamilt fuq aspetti varji ta' dan is-suġġett dejjem urietni l-ħtieġa ta' liġi bħal dik li qiegħda tiġi proposta minn dan il-gvern. Sa nkun kburija li meta nippreżenta dan ir-rapport fil-plenarja tal-Kunsill tal-Ewropa sa nkun qed nagħmel dan konsapevoli li pajjiżi oħra se jkunu jistgħu jħarsu lejna bħala pajjiż li għandu l-aqwa prattiċitajiet f'dan is-suġġett. Dan huwa t-twettiq tal-politika inklussiva ta' dan il-gvern. Din hija verament it-tifsira ħajja tal-għajta 'Malta tagħna lkoll'.

More in Politika